“Il-junction għandha tingħalaq għat-traffiku mill-bypass tal-Imrieħel” – Il-Kunsill ta’ Ħal Qormi

Moviment Graffitti

Read in English.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi approva mozzjoni unanimament li tħares l-għajxien tal-bdiewa Qormin billi topponi l-pjanijiet li hemm għall-bini ta’ flyover fl-Imrieħel. Il-Kunsill irid, minflok, li l-junction tingħalaq għat-traffiku mill-bypass tal-Imrieħel.

F’kitba fuq Facebook, il-Kunsill Lokali spjega li ssejħet laqgħa b’urġenza mis-Sindku Josef Masini Vento, li fiha, il-Kunsill approva l-mozzjoni b’mod unanimu.

Il-mozzjoni mressqa mis-Sindku nnifsu tgħid li l-Kunsill iddeċieda li jieħu din il-pożizzjoni fl-interess ta’ dawk kollha li jgħixu u jaħdmu f’Ħal Qormi. Filwaqt li l-Kunsill jagħraf l-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sigurtà f’din it-triq, peress li jsiru ħafna inċidenti, il-Kunsill huwa xorta tal-fehma li din l-art agrikola għandha tibqa’ tal-bdiewa, peress li hi mezz ta’ għajxien għalihom u “wieħed mill-ftit pulmuni ta’ spazju miftuħ għal Ħal Qormi.”

Għaldaqstant, il-Kunsill issuġġerixxa illi l-junction tingħalaq għat-traffiku mill-bypass tal-Imrieħel. Spjega li r-residenti fl-akkwati u l-industrija li taħdem fiż-żona, diġà jużaw l-aċċessi minn Triq il-Mitħna, minn Triq il-Kanun u minn Triq Fleur de Lys, allura jekk isir dan, m’għandux jaffettwahom.

Fil-mozzjoni tiegħu, il-Kunsill jgħid ukoll li l-karreġġjata għaċ-ċiklisti u l-passaġġ għal dawk li jkunu bil-pass għandhom jinbnew fuq struttura li tuża l-inġinerija ta’ cantilever.

Dan peress li l-Kunsill Lokali jrid iżomm il-ftit ruralità li fadal f’dan ir-raħal li llum inħakem mill-qasam industrijali, sar maħżen nazzjonali u anke ċentru kummerċjali. Il-Kunsill semma wkoll li ma jistax jaċċetta li l-proposta, kif tqiegħdet minn Infrastructure Malta, tipperikola l-proġett tal-ilma tax-xita li ta nifs lil dawk li jgħixu fil-widien.

Waqt il-laqgħa li ġiet imsejjħa b'urġenza mis-Sindku Josef Masini Vento, aktar kmieni llum, il-Kunsill b'mod unanimu…

Posted by Kunsill Lokali Ħal Qormi on Tuesday, December 29, 2020

L-MEP Alfred Sant irreaġixxa għall-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta u qal li din l-entità trid tkun aktar trasparenti f’ħidmietha. Anke l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca semmgħet leħinha fuq dan il-proġett. Hi kkundannat il-proposta ta’ Infrastructure Malta u staqsiet jekk hux se jkompli l-istupru li sofra Ħal Qormi matul l-aħħar 50 sena.

Taqbel mal-Kunsill Lokali?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt