​Il-Jumbo Screen fil-Marsa għadu bla permess

Jumbo Screen li hemm fil-Marsa, li jinsab qrib il-kumpless ta’ ONE TV, għadu mhux kopert b’permess tal-MEPA imma dwaru hemm pendenti “applikazzjoni sanatorja”.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Jason Azzopardi, li saret lill-Prim Ministru.
Fi tweġiba għal għadd ta’ mistoqsijiet supplimentari biex jiċċara jekk l-iskrin hux kopert b’permess jew jekk tpoġġiex hemm bla permess, is-Segretarju Parlamentari nsista kemm-il darba li minkejja li m’għandux permess, hemm artiklu tal-liġi li jkopri sitwazzjonijiet hekk.
Spjega wkoll li skont il-liġi, peress li hemm talba sanatorja, ma jistgħux jiġu imposti kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet tekniċi sakemm ma l-MEPA tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni quddiemha. Qal ukoll li din mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana għaliex hemm għadd ta’ screens oħra fil-Marsa.