Il-Jum Nazzjonali Spanjol mhedded mit-tensjoni politika

Spanja llum qed tiċċelebra l-Jum Nazzjonali tagħha minkejja l-kriżi politika li għaddej minnha l-pajjiż minħabba r-referendum li fih għadd ta’ Katalani vvotaw għall-indipendenza.
Ilbieraħ fil-Parlament, il-Prim Ministru Mariano Rajoy qal li Spanja qed taffaċċja l-akbar theddida għad-demokrazija f’erbgħin sena.
Huwa ta ħamest ijiem ċans lill-President tar-reġjun Katalan biex jikkjarifika jekk għandux l-intenzjoni li jiddikjara l-indipendenza jew le.
Jumejn ilu, Carles Puigdemont u mexxejja oħra mill-Katalunja ffirmaw id-dikjarazzjoni tal-indipendenza iżda qalu li mhux se jimplimentawha biex ikunu jistgħu jsiru negozjati.
Min-naħa tagħha, Spanja qed thedded li tnaqqas mill-awtonomija li tgawdi l-Katalunja.
Il-Jum Nazzjoni hija festa pubblika li tfakkar ir-rijunifikazzjoni ta’ Spanja u l-ewwel darba li Kristoforu Kolomnu wasal fl-Amerika fl-1492.
Matul il-ġurnata, f’Madrid ikunu organizzati parati li fihom jieħdu sehem r-Re Filippu u anke l-Prim Ministru Rajoy.