Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ beda t-triq lejn Lisbona

Il-Kardinal Manuel Clemente jifraħ li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2002 se jsir f'Lisbona

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss fl-2022 se jsir fil-Portugall.  Il-Kardinal Manuel Clemente, Arċisqof ta’ Lisbona tkellem dwar l-aħbar li l-avveniment li jmiss se jsir f’Lisbona.

L-aħbar li ngħatat fi tmiem il-laqgħa fil-Panama, intlaqgħet b’ferħ kbir u eċitament mill-pellegrini Portugiżi li kienu preżenti f’Panama City li issa se jkunu involuti direttament fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment importanti fil-ħajja tal-Knisja.

Fost dawn kien hemm il-Kardinal Clemente li appena ngħatat l-aħbar kien intervistat min Sean-Patrick Lovett, ġurnalista tal-Vatican News li kien ukoll fil-Panama.

Dwar l-istedina li għamel il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ preżenti fil-Panama biex issa jkomplu l-vjaġġ mill-Panama għall-Portugall, il-Kardinal Clemente qal li “dan il-vjaġġ diġà beda. Aħna diġà bdejna din il-mixja mill-Panama fejn qegħdin, lejn il-Portugall”. Sostna li tliet snin mhux żmien twil biex wieħed jipprepara għal avveniment ta’ dan il-kobor u importanza.

“M’hemmx dubju li aħna se nagħmlu ħilitna, imma din hi sfida kbira! Imma hi wkoll aħbar tajba mhux biss għalina l-poplu tal-Portugall imma għaż-żgħażagħ kollha tad-dinja li lkoll huma milqugħa u ngħidilhom minn issa ‘Merħba Bikom”, qal il-prelat ta’ Barcellona.

Mons. Clemente tkellem dwar dawk li se jmorru Lisbona minn pajjiżi bħalma huma l-Brażil, Mozambique, Angola u oħrajn li jitkellmu bil-Portugiż għax dawn żgur se jħossuhom qishom qegħdin f’darhom f’Lisbona.

Il-Kardinal qal li ma tistax titkellem dwar il-Portugall bla ma ssemmi Fatima li hi fil-qalba tal-ispiritwalità tal-pajjiż. “Żgur li Fatima se tkun f’Lisbona u l-esperjenza u l-preżenza ta’ Omm Ġesù f’ħajjitna hi viżibbli u tinħass ħafna f’Fatima, mid-dinja kollha”.

Mistoqsi x’messaġġ għandu għaż-żgħażagħ tad-dinja, il-Kardinal Clemente qal sempliċement: “Intom ilkoll milqugħa f’Lisbona fl-2022: Inkun qed nistenniekom”.