Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2013 f’numri

Sa ftit jiem ilu, eluf ta’ żgħażagħ minn 190 pajjiż differenti ppakkjaw il-bagalja u lestew il-passaport biex bejn it-23 u t-28 ta’ Lulju li għadda, flimkien ma’ Papa Franġisku ċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-belt ta’ Rio fil-Brażil.

Meta t-Tlieta saret il-quddiesa li tat bidu għall-ġimgħa tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, fuq il-bajja ta’ Copacabana attendew 600,000 ruħ.  Jumejn wara, meta Papa Franġsiku tkellem għall-ewwel darba maż-żgħażagħ fuq l-istess bajja, kien hemm 1.2 miljun persuna.

Għall-Via Sagra attendew żewġ miljun ruħ.

Imma l-bajja ta’ Copacabana kienet ippakkjata bin-nies is-Sibt u l-Ħadd.  Filfatt, għal waqt il-velja ta’ talb li saret is-Sibt filgħaxija kien hemm 3.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa mid-dinja kollha. 

L-għada filgħodu, għall-quddiesa li tfakkar il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Copacabana kien hemm 3.7 miljun persuna.  Tul din il-ġimgħa ġiet ikkunsmata 4 miljun ostja.

Din kienet it-tieni darba li ċ-ċelebrazzjonijiet għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ saru fl-Amerika Latina.  Fl-1987 il-kapitali tal-Arġentina Buenos Aires laqgħet l-ewwel Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar barra minn Ruma.

Kif kien mistenni, il-maġġoranza tal-pellegrini li kienu f’Rio, huma Brażiljani. Spikkaw ukoll pellegrini mill-Arġenitina, Stati Uniti, Ċili, Italja, Venezwela u Messiku. Madanakollu, pellegrini rreġistrati kien hemm 427,000 minn 175 pajjiż differenti.

60% tal-pellegrini rreġistrati kellhom bejn id-19 u l-34 sena.

Voluntiera kien hemm 60,000 filwaqt li kien hemm 800 artist li ħadu sehem f’attivitajiet fiċ-Ċentru ta’ Rio, f’Copacabana u fi Quinta da Boa Vista.

Sessjonijiet ta’ katekeżi kien hemm 264 b’25 lingwa.  Il-grupp ta’ 45 Malti ntagħażel biex janima is-sessjoni ta’ katekeżi bl-Ingliż u li għalihom attendew pellegrini minn diversi pajjiżi fosthom minn Franza, Irlanda, Mongolja, Brażil, Stati Uniti u Gwatemala fost l-oħrajn.

Isqfijiet attendew 644 u 28 minnhom kienu kardinali. B’kollox kien hemm 7,814-il saċerdot.

Mil-lat ekonomiku, il-pellegrini nefqu kważi 600 miljun ewro. Matul il-ġimgħa tal-Jum Dinji ta-Żgħażagħ inġabru 345 tunnellata ta’ skart organiku u 45 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli.