Il-jiem li ġejjin fl-iskejjel se jkunu kruċjali – MUT

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin għall-Għalliema Maltin (MUT) qalet li l-jiem li ġejjin se jkunu kruċjali ħafna għall-iskejjel. Huwa stqarr li f’dawn il-ġranet, trid issir evalwazzjoni mill-ġdid tal-pjanijiet eżistenti jekk ir-rata tat-teħid tal-virus tiżdied.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici spjega lil Newsbook.com.mt li s’issa, jidher li l-pjanijiet tal-Gvern huma li l-iskejjel jiftħu normali l-Ħamis, bl-istess miżuri li kellhom minn Ottubru ‘l hawn, peress li s-sitwazzjoni donnha hi stabbli. Madankollu, dan jaf jinbidel jekk il-virus jibda jinfirex aktar fl-iskejjel, f’dan is-semestru tas-sena skolastika.

Intant, xi skejjel avżaw lill-istudenti tagħhom li fl-ewwel ġranet, it-tagħlim se jsir online, sabiex jevitaw li jkun hemm tifrix tal-virus. Waħda minn dawn l-iskejjel hi l-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri f’Għawdex, li l-Ħamis u l-Ġimgħa se tagħmel lezzjonijiet online. Jekk sas-Sibt li ġej, ikun hemm rapporti ta’ xi każ ta’ Covid-19, l-iskola tavża lill-istudenti b’aktar ġranet b’lezzjonijiet online.

L-MUT qalet li se ssegwi l-andament tal-ftuħ tal-iskejjel mill-qrib mal-awtoritajiet, kemm dawk edukattivi u dawk tas-saħħa, b’laqgħat kontinwi ħalli tifhem sewwa s-sitwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-esperti fid-dawl tal-iżviluppi. L-MUT wiegħdet ukoll li tkompli taġġorna lill-membri tagħha skont il-bżonn.

Intant, l-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) issuġġeriet li l-istudenti jidħlu lura l-iskola ftit ftit u mhux kollha f’daqqa, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-virus peress li ħafna nies ħarġu u tħalltu f’dawn il-vaganzi.