Il-Jazz jidwi mal-Belt Valletta

Il-Malta Jazz Festival se jkun qed joħroġ miż-żona magħrufa bħala ta’ Liesse fil-Belt Valletta biex kemm jista’ jkun jilħaq aktar nies.
Dan tħabbar mid-Direttur Artistiku Sandro Zerafa meta tnieda Jazz on the Fridge bħala parti mill-Malta Jazz Festival imtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni ma’ Valletta 18.
Il-kunċerti marbuta ma’ ‘Jazz on the Fringe’ fosthom kunċerti jazz ta’ nofsinhar quddiem il-bini tal-Parlament u l-masterclasses bdew mil-lum u xi ftit minnhom jibqgħu sejrin sa nhar is-Sibt.
Zerafa spjega li fil-festival ta’ din is-sena se jieħdu sehem l-aqwa b’mużiċisti li huma fost l-aqwa fil-jazz kontemporanju.
Fost dawn semma lil Nicholas Payton b’taħlita ta’ djaletti differenti li għandhom dixxendenza Afrikana, Munir Hossn li se jagħti omaġġ lill-wirt mużikali Brażiljan, kif ukoll Al di Meola li se joffri mużika mħallta ma’ dik Latina.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li  Jazz on the Fridge jorbot mal-prijoritajiet tal-Gvern fejn jidħol is-settur kulturali u spjega li dan se jressaq lill-pubbliku eqreb lejn il-mużika jazz permezz ta’ attivitajiet imferrxa mal-Belt Valletta kif ukoll permezz ta’ attivitajiet b’xejn.
Saħaq li l-istess Festival qed jinvestiment fil-mużiċisti permezz tat-tagħlim tal-mużika biex tiżdied il-professjonalità fis-settur kulturali.
Il-Malta Jazz Festival ġie klassifikat mal-ewwel ħames festivals fir-rivista Clash. Il-festivals l-oħrajn huma dawk ta’ Monterrey, Montreal, Copenhagen, u New Orleans.
Il-festival jilħaq il-qofol tiegħu f'dan tmiem il-ġimgħa.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech