Il-ħwienet ‘mhux essenzjali’ għandhom jibqgħu magħluqa – Ministru Franċiż

Franza Coronavirus
Youtube - France 24

Franza għadha mhiex lesta li tħalli ħwienet li jbiegħu affarijiet meqjusa mhux essenzjali, jerġgħu jiftħu għaliex l-iktar ħaġa essenzjali hija li jibqa’ għaddej kull sforz sabiex tkun kontrollata l-imxija ta’ COVID-19. Dan qalu l-Ministru għar-Relazzjonijiet mal-Parlament Marc Fesneau.

Iktar tard llum, (il-Ħamis), il-gvern Franċiż mistenni jħabbar aġġornament tar-regolamenti li japplikaw għal dawn il-ħwienet hekk kif il-Prim Ministru Jean Castex mistenni jitkellem waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija fi Franza, ġimgħatejn minn meta tħabbar lockdown ġdid mal-pajjiż kollu.

Meta l-President Emmanuel Macron ħabbar il-lockdown, huwa kien qal li ristoranti, kafetteriji u ħwienet oħra li ma jbiegħux affarijiet essenzjali se jkollhom jagħlqu ta’ l-inqas għal ġimgħatejn.

Mistoqsi fuq l-istazzjoni tar-radju France Info dwar jekk ħwienet mhux essenzjali bħalma huma dawk tax-xagħar u tal-kotba jistgħux jiftħu, Fesneau qal: “Mhux għalissa”, filwaqt li żied jgħid: “Nifhem l-inkwiet li għaddejjin minnu dawn in-negozji”.

“Kull darba li n-nies tiċċaqlaq, jiżdied ir-riskju ta’ infezzjoni u r-riskju li jkompli jinfirex il-virus… Meta nħossu li l-miżuri ta’ restrizzjoni jkun qed ikollhom l-impatt mixtieq, nerġgħu neżaminaw is-sitwazzjoni u naraw kif nistgħu intaffu l-pressjoni fuq dawn in-negozji,” kompla jgħid.

Nhar it-Tnejn li għaddew, l-ogħla uffiċjal għas-saħħa Jerome Salomon qal li fi Franza, il-pandemija tal-coronavirus għad trid tilħaq il-quċċata tagħha filwaqt li ħeġġeġ lill-popolazzjoni biex tibqa’ attenta.

Sa nhar it-Tlieta li għaddew, Franza rreġistrat total ta’ 1,829,659 każ konfermat ta’ coronavirus, fejn kien hemm żieda ta’ 22,180 matul l-24 siegħa ta’ qabel, skond il-ministeru tas-saħħa.

Il-ministeru rrapporta wkoll li matul il-ġurnata tal-bieraħ kien hemm 472 mewta ġdida fl-isptarijiet kawża tal-pandemija, u żied jgħid li n-numri żdiedu ftit matul din l-aħħar ġimgħa minħabba xi istituzzjonijiet li qed jaġġornaw l-informazzjoni tagħhom u li ma kienux laħqu rrappurtaw b’mod sħiħ.