“Il-ħsieb tat-tarbija li se titwieled żammu ħaj”

Omm  li qed tistenna tarbija tirrakkonta kif missier it-tarbija li għad trid titwieled salva fit-traġedja ta’ Ġenova wara li ddendel ma’ wires li kienu 20 metru ‘l fuq mill-art.

Giulia Organo qalet li Gianluca Ardini ta’ 29 sena irnexxielu jibqa’ mdendel mal-wires għal numru ta’ siegħat, minkejja li sofra minn żlugar fi spalltu. Gianluca kien qed jaqsam minn fuq il-pont fi trakk mal-kollega tiegħu, fejn kienu qed iwasslu xi logħob tal-kompjuter, meta l-pont Morandi ċeda taħthom u ħalla mill-inqas 39 persuna mejta.

Il-kollega tiegħu u missier ta’ erbat itfal, Luigi Altadonna tilef ħajtu fit-traġedja.

Giulia Organo li għandha tmien xhur tqala, ġiet kwotata tgħid fil-midja taljana, “Dan kien miraklu, dak hu li nista’ ngħid. Baqa’ mdendel mal-wires biex isalva ħajtu.”

“F’Settembru se jsir missier. Nemmen li din kienet waħda mir-raġunijiet għanfejn irnexxielu jibqa’ jżomm.”

Qalet li l-ħaddiema tas-salvataġġ qalulu biex ma jiċċaqlaqx minħabba l-biżgħa li dan seta’ jwassal biex ikompli jaqa’ t-tiġrif.

Minbarra l-persuni li tilfu ħajjithom, ħmistax il-persuna oħra sofrew ġrieħi u seba’ inħarġu ħajjin.