Aġġornata: Il-ħsieb kritiku “kruċjali” għad-demokrazija – MFWS

Facebook- MFWS

Read in English.

Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà (MFWS) qalet li ħiliet fil-ħsieb kritiku huma kruċjali f’demokrazija.

Fuq Facebook, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Litteriżmu, il-MFWS li twaqqfet mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca appellat lill-awtoritajiet biex jagħmlu minn kollox ħalli l-illitteriżmu jintemm minn Malta.

Qalet li skont stħarriġ li sar, Malta għandha problema fil-ħsieb kritiku li huwa importanti kemm għall-ekonomija u anke għal demokrazija.

“Mingħajr dawn il-ħiliet, il-poplu jaf jibqa’ imxekkel milli jkun protagonist, fit-tisħiħ tal-kultura demokratika f’pajjiż.”

Il-Fondazzjoni qalet li tqis il-litteriżmu fil-Malti u fl-Ingliż bħala dritt fundamentali u indispensabbli għall-iżvilupp personali, soċjali, kulturali u ekonomiku tal-popolazzjoni Maltija.

“Il-Fondazzjoni tinnota li skont l-Labour Force Survey, aktar minn nofs tal-ħaddiema għandhom livell baxx ta’ ħiliet, inkluż fil-litteriżmu. Il-Fondazzjoni ssostni li pajjiżna li qiegħed jaspira għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġust, ma jista’ qatt jaċċetta s-sitwazzjoni attwali fil-qasam tal-litteriżmu u ħiliet oħra.”

L-MFWS appellat lill-ġenituri biex ipoġġu l-litteriżmu fiċ-ċentru tal-ħajja tal-familja.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Litteriżmu, il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà tappella lill-awtoritajiet…

Posted by The Malta Foundation for the Wellbeing of Society on Sunday, September 8, 2019

Malta għadha mhix tilħaq mal-objettivi Ewropej – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li Malta għadha mhix tilħaq mal-objettivi Ewropej. Qal li għalhekk, sal-lum, għad hemm ħafna studenti Maltin li qegħdin jaqtgħu lura mhux biss fil-progress edukattiv imma fl-iżvilupp tal-litteriżmu.

“Għal dan il-għan, pajjiżna jeħtieġ politika li twassal sabiex jintlaħaq il-potenzjal tal-istudenti Maltin,” qal is-Segretarju Generali tal-PN u Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.