Il-Ħoss tal-Għabex – album ġdid ta’ Nadine Axisa

Ritratt: Bernard Polidano

Wara li nediet l-album tagħha Velvet fl-2004, Nadine Axisa qiegħda taħdem fuq it-tieni album tagħha bit-titlu Il-Ħoss tal-Għabex.

Ix-xogħol fuq dan l-album beda fl-2018. Il-progett jinvolvi arranġamenti ġodda ta’ għanjiet Maltin, fejn il-melodiji jservu bħala mezz għall-esperimentazzjoni, bl-għan li jinħoloq ħoss ġdid fix-xena tal-jazz lokali. Filwaqt li l-element tal-mużika jazz ser jibqa’ evidenti, Nadine se tkun qed tesplora ħoss kemmxejn ġdid li jxaqleb lejn il-jazz kontemporanju.

Għal dan il-proġett, Nadine ingħaqdet mal-mużiċist u arranġatur lokali Joe Debono u sound engineer u producer David Vella ta’ Temple Studios biex flimkien joħolqu dan l-album li se jinvolvi esperimentazzjoni minn perspettiva melodika, armonika, ritmika u sonika.

L-album qed jinħema bħalissa, u dawk kollha interessati li jagħtu l-appoġġ tagħhom minn issa, għandhom ukoll l-opportunità li jirriservaw kopja tal-album, vinyl u attendenza għall-kunċert tat-tnedija, li se jsir fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2019 ġewwa l-Valletta Campus Theatre, il-Belt. Il-proġett huwa appoġġjat mill-Malta Arts Fund.

Għal iktar informazzjoni u biex tikkontribwixxi għall-crowdfunding żur is-sit:

https://crowdfunding.trackagescheme.com/projects/il-hoss-tal-ghabex/