“Il-ħolqien tax-xogħol m’huwiex priorità għall-Gvern” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-ħolqien tax-xogħol m’huwiex priorità għall-Gvern. Fi stqarrija ntqal li l-Gvern jinsab mehdi jipperswadi n-nies fuq il-ftehim imċajpar li għamel maċ-Ċina u qed jonqos milli jagħti pjan ċar għall-ħolqien tax-xogħol u dan wara li fl-aħħar jiem ġie kkonfermat li l-qgħad f’Malta żdied.

Il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li fl-indirizz tiegħu dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ naqas milli jagħti dettalji dwar il-ftehim li sar bil-moħbi maċ-Ċina filwaqt li ntqal li meta Dr Muscat tkellem dwar ir-rapport tal-Moody’s, ma ssemmewx ir-riservi li qajmet il-Moody’s dwar il-pjan tal-Gvern għall-enerġija.

Intqal li Dr Muscat ma tkellimx ukoll dwar kif il-mara tal-Ministru tal-Enerġija tpoġġiet f’pożizzjoni strateġika fil-Malta Enterprise mingħajr proċess trasparenti ta’ reklutaġġ. 

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Gvern għad irid jgħaddi mir-retorika politika ta’ qabel l-elezzjoni għall-tmexxija serja u bi pjan biex ma tipperikolax l-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol.