Filmat: Owen Bonnici jispjega kif spiċċaw qalb il-folla

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici spjega kif il-karozza tiegħu spiċċat qalb il-folla ta’ dimostranti lbieraħ filgħaxija. Dan waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalist wara konferenza dwar it-tindif.

Hu spjega li l-karozza tal-Gvern ġiet eżatt ħdejn il-bieb sabiex ma jkollux għalfejn jgħaddi minn qalb il-protesta nnifisa. Qal li s-soltu, ix-xufier jgħaddi għalih f’żona oħra. Spejga li l-karozza ġiet għalih viċin il-bieb u ħadet id-direzzjoni lejn Kastilja sabiex ma ttellifx lil dawk li kienu qed jipprotestaw. Qal li minkejja dan, kien hemm min dehrlu li għandu jiċċirkonda l-karozza.

Aktar kmieni fuq Facebook, il-Ministru Bonnici sostna li l-ħolqien tal-ġid u t-tqassim tiegħu b’mod ġust irid isir f’serenità u kalma biex kulħadd ikun iffukat kompletament fuq il-ħidma tiegħu. Dan qalu fl-ewwel reazzjoni tiegħu permezz ta’ Facebook dwar il-protesta li saret ilbieraħ fil-Belt Valletta.

Aqra: Filmat: Inċidenti bejn ix-xufier tal-Ministru Bonnici u l-attivisti

Il-Ministru spjega kif ilbieraħ wara li ħareġ mis-seduta Parlamentari flimkien mas-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, ra xena fejn il-persuni li kienu qed jipprotestaw sabbtu fuq il-karozza, ppruvaw jimblukkawha bil-forza, taw daqqiet ta’ ponn fuq il-ħġieġ, fost aġir ieħor. Qal li seta’ jara r-rabja fl-uċuh ta’ madwaru. Madanakollu insista li dan mhux se jtappan ir-rieda li timmotivah biex ikompli jaħdem għal pajjiż aħjar.

Insista li hu jinsab kompletament wara l-Prim Ministru Joseph Muscat. Insista li dak kollu li jaf u li kapaċi jagħti se jkompli jagħtih lil Muscat.

Aqra: “Daphne nqatlet biex huma jeħilsu l-ħabs”

Indarbu żewġ uffiċċjali tal-Pulizija

Il-Ministru kompla billi rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li pproteġewh. Skont id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ix-xufier tal-Ministru Bonnici saq fuq il-folla, b’uffiċjal tal-Pulizija mara tispiċċa mal-art.

Il-Ministru Bonnici spjega li l-Pulizija inkwistjoni kienet l-Ispettur Priscilla Caruana Lee. Hu qal li kkuntattjaha personalment u qaltlu li l-ġrieħi li sofriet hi, u li sofra l-Kuntistabbli Darren Darmanin kienu ħfief u li jinsabu f’kundizzjoni tajba.

X’ġara lbieraħ?

Il-protesta bdiet minn quddiem Kastilja u baqgħet sejra għal quddiem il-bini tal-Parlament. Il-karozza tal-Ministru Owen Bonnici, li kien ħiereġ mill-Parlament inqabdet fil-folla, bl-attivisti jduru mal-karozza bil-konsegwenza li ma setgħetx tgħaddi.

Aqra: Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Din il-protesta ġiet propju wara li lbieraħ ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black. Aktar tard ħareġ mandat t’arrest iffirmat minn Maġistrat b’rabta mal-assassinju. Bosta entitajiet u rappreżentanti tal-komunitajiet għajtu għar-riżenja ta’ dawk kollha li fil-passat b’xi mod jew ieħor kienu se jidħlu f’negozji illeċiti mal-istess Fenech. Huma talbu wkoll ir-riżenja tal-Prim Ministru nniffsu talli falla milli jkeċċihom mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-Gvern.

Aqra: Filmat: Erfa’ r-responsabbiltà politika – Delia lil Muscat

Aqra: Mhux se nirriżenja – Muscat; l-Oppożizzjoni toħroġ mill-kamra

Għaldaqstant, fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu mhux se jirriżenja u li se jkompli jmexxi l-pajjiż f’dan il-mument delikat. Żied jgħid li hu jieħu d-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fatti u li la l-Ministru Konrad Mizzi u lanqas iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri ma ssemmew fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Żied jgħid li hu m’għandux dik l-informazzjoni.

Filmat: Miguela Xuereb