Il-ħolma tal-Beltin se ssir realtà

Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Wara numru ta’ snin ta’ stennija, il-gvern, permezz ta’ SportMalta, għadda art li m’għadhiex tintuża fiż-żona industrijali ta’ Ħal Farruġ b’qies ta 15,000 metru kwadru b’ċens ta’ 45 sena, biex tiġi żviluppata fi grawnd tal-futbol tal-ogħla livell ta’ wieħed mill-akbar klabbs tal-futbol f’pajjiżna, Valletta FC.

Apparti l-art, SportMalta se tgħaddi wkoll it-titlu tas-Salinos Grounds, b’qies ta’ 6,050 metru kwadru, lil Valletta FC b’ċens ta’ 45 sena. Dawn it-titoli qed jingħataw wara li fil-Kumitat tal-Awditjar għadda vot unanimu dwar it-trasferiment ta’ dan il-grawnd.

F’konferenza tal-aħbarjiet fil-klabb tal-futbol ta’ Valletta FC, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan it-trasferiment juri l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu. Semma li hemm numru ta’ inizjattivi li l-għan tagħhom hu li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru.

“Meta għandek klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi li huma b’saħħithom u li huma stabbli, dawn iħallu ġid fis-soċjetà Maltija, ġid fit-tfal tagħna. Aħna qed naraw li parti oħra min-naħa ta’ isfel ta’ Malta li kienet mitluqa llum il-ġurnata se tkun tista’ tiġi żviluppata. Grazzi għal dan it-trasferiment, Valletta FC se jkollhom grawnd tal-football kif jixirqilhom biex iħarrġu lill-plejers tagħhom. Din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-gvern se jkun qed jieħu biex naraw lill-klabbs Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkomplu jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija”, qal is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Iċ-Ċermen ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li hu ta’ sodisfazzjon li wara proċess twil il-klabb tal-Belt ser ikollu l-opportunità li jiżviluppa ċentru sportiv. Kien l-istess klabb li avviċina lil SportMalta, jilmenta li l-art li kienet ingħatatlu f’Ħal Farruġ ma kinitx idonea għall-bżonnijiet ta’ klabb kbir bħal Valletta FC. B’dan it-trasferiment, se nolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda, billi art li kienet mitluqa, se titnaddaf u se ssir ċentru sportiv tal-iprem kwalità.

Il-President ta’ Valletta FC Victor Sciriha qal li l-klabb Belti ilu jaħdem aktar minn għaxar snin biex tinkiseb art għall-grawnd tal-futbol. Semma li l-klabb Belti se jkollu faċilitajiet tal-ogħla livell sabiex it-tfal u l-plejers Beltin jilagħbu l-futbol fi grawnd xieraq.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.