Il-ħolma kbira tal-Papa Franġisku għall-Amazonia

Raġel jisma’ b’attenzjoni lill-Papa Franġisku f’laqgħa li kellu man-nies tal-Amazonia meta żar il-Peru (Credit: Paul Haring/CNS.)

Għażiża Amazonia, (Querida Amazonia) hi l-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Franġisku li biha għalaq uffiċjalment is-Sinodu dwar l-Amazonia ta ’Ottubru li għadda. L-Eżortazzjoni li fiha 16,000 kelma titqies bħala “ittra ta’ mħabba” dedikata lir-reġjun li fiha l-Papa jelenka l-ħolma tiegħu għal din il-parti tad-dinja.

Il-ħsieb tal-Papa għal dan ir-raġun jinkludi passi konkreti lejn ekoloġija umana li tagħti każ tal-foqra, apprezzament għall-kuluri lokali u lejn Knisja Missjunarja b’wiċċ l-Amazonia.

It-test tal-Eżortazzjoni hu bħal speċi ittra ta’ mħabba li hi miżgħuda bi kwotazzjonijiet poetiċi u bid-dramm li n-nies jgħixu kuljum f’dan ir-reġjun.  Ħafna jistaqsu għaliex il-Papa jagħti tant importanza lil dan ir-reġjun partikolari?

Ir-risposta tinsab minquxa fil-paġni ta’ “Għażiża Amazonia”. Hu ovvju li kollox hu marbut flimkien: il-bilanċ tal-pjaneta li ngħixu fiha jiddependi fuq l-istat ta’ saħħa tal-Amazonia. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-ħsara lin-nies u lill-ekosistema tal-post jew bit-tifrik tal-poplu li jgħix hemm u anqas mill-kulturi ta’ dawn il-popli u l-politika tal-indistrji li mhux ħlief jeqirdu l-foresta biex jiskavaw il-minerali tagħha.

Il-Papa jgħid li hemm element universali ieħor dwar l-Amazonia. Id-dinamika li qed timmanifeta ruħha hemmhekk tantiċipa l-isfidi li qed niffaċċjaw illum: l-effetti ta’ ekonomija globalizzata u Sistema finanzjarja anqas sostenibbli, kif ukoll l-ambjent, il-koeżistenza tal-popli u l-kulturi differenti, l-imigrazzjoni u l-bżonn li nieħdu ħsieb il-ħolqien li qed jirriskja ħsara irreparabbli.

Sfida lill-Knisja

L-Għaiża Amazonia tippreżenta sfida lill-Knisja li hi msejħa biex tfittex toroq ġodda ta’ Evanġeliżazzjoni biex tipproklama l-messaġġ nisrani, dik il-kerygma li ġġib preżenti magħna lil dak Alla ħanin li tant ħabb lid-dinja li ssagrifika lill-Ibnu stess fuq is-salib.

Mid-dokument joħroġ ċara li għall-Papa Franġisku l-kwestjoni taċ-ċelibat li tant kienet diskussa waqt is-sinodu, m’hix l-aktar ħaġa importanti fir-rigward tal-Amazonia.  Hu jħares lejn l-istampa l-kbira, inkluż kif se nsalvaw din il-foresta kbira, kif se nipproteġu lill-persuni u l-komunitajiet indiġeni tar-reġjun, kif se nittrattaw l-isfidi ta’ ġustizzja soċjali li jeżistu fosthom l-użu tal-art u d-drittijiet tax-xogħol.

F’dan id-dokument il-Papa Franġisku jpinġi erba’ ħolmiet kbar għal dan ir-reġjun:

◦ Reġjun li jiġġieled għad-drittijiet tal-fqar tal-popli oriġinali u dawk l-iżgħar fost ħutna fejn leħinhom ikun jinstema u d-dinjità tagħhom rispettata.

◦ Reġjun li kapaċi jippreserva l-kulturi sinjuri u distinti tiegħu fejn is-sbuħija tal-umanità tiddi b’diversi modi.

◦ Reġjun li kapaċi jippreserva is-sbuħija naturali tiegħu u l-ħajja abbundanti li toħroġ mix-xmajjar u l-foresti tiegħu.

◦ Komunitajiet insara li jimpenjaw ruħhom b’ġenerożità, ikunu parti integrali mill-Amazonia u jagħtu lill-Knisja uċuħ ġodda bil-fatti fattizzi tal-lokal.

L-umanità fl-Amazonia mhix xi marda li hemm bżonn nikkumbattuha biex nieħdu ħsieb l-ambjent. In-nies indiġeni tar-reġjun, il-kulturi u t-tradizzjonijiet tagħhom hemm bżonn li jkunu konservati.  Huma dawn in-nies għandhom dritt ukoll li jkollhom il-proklamazzjoni tal-Evanġelju.  M’humiex esklużi mill-missjoni u mill-kura pastorali ta’ Knisja li dejjem kienet rappreżentata tajjeb mill-missjunarji, wiċċhom maħruq bix-xemx, li jum wara jum kienu kapaċi jivjaġġaw bil-kenuri biex jilħqu gruppi żgħar ta’ nies u jwasslulhom l-imħabba t’Alla u s-Sagramenti.

Din l-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Franġisku tixhed ħsieb li jmur ‘l hinn mid-djalettika li spiċċat tirrappreżenta s-Sinodu qisu xi referendum dwar għandux ikun hemm qassisin miżżewġa. Dan is-suġġett kien diskuss fit-tul u għad ikompli jkun diskuss fil-futur.

Dwar din il-kwestjoni, s-suċċessur ta’ Pietru, wara li talab u rrifletta ddeċieda li jwieġeb mhux bit-tibdil u possibiltà ta’ aktar eċċezzjonijiet minn dawk li d-dixxiplina tal-Knisja diġa’ tikkonċedi imma billi talab u nsista li għandna nibdew minn dak li hu l-essenzjali.

Nibdew mill-essenzjal

Għalhekk il-Papa Franġisku talab li nerġgħu nibdew b’fidi qawwija, b’imbuttatura missjunarja li tagħti spazju biex Alla jaġixxi u mhux fuq l-istrateġiji tas-suq jew it-teknoloġija tal-informatika li jużaw dawk li jinflunzaw ir-reliġjonijiet.

“Maħbuba Amazoni” tistieden għal ripensament speċifiku u kuraġġuż tal-organiżazzjoni u l-ministeri tal-Knisja lokali fl-Amazonia. Titlob li l-Knisja Kattolika kollha terfa’ r-responsabbiltà tagħha u tqis bħala tagħha il-feriti u l-weġgħat tal-poplu tal-Amazonia u t-tbatija ta’ dawk il-komunitajiet li huma mċaħħda miċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija kull nhar ta’ Ħadd u tirrispondi b’ġenerożità billi tibgħat missjunarji ġodda li jkollhom ir-rigal tal-Ispirtu u jiffukaw fuq servizzi ġodda u stabbli, ministeri mhux ordnati imma rikonoxxuti ekklesjastikament, li jistgħu jkunu fdati f’idejn lajċi nisa u rġiel.

Finalment, il-Papa Franġisku filwaqt li enfasizza l-kontribut kbir tal-lajċi, fakkar li fir-reġjun tal-Amazonia, il-fidi twasslet u nżammet ħajja grazzi għal “nisa ġenerużi” avolja ma kienx hemm qassisin biex jgħinuhom.