Il-Hollywood Ripper ħati li qatel lill-eks tfajla ta’ Ashton Kutcher

Reuters

Ġuri Amerikana sabet lill-kriminal magħruf bħala l-Hollywood Ripper ħati li qatel lil żewġ nisa, waħda minnhom l-eks tfajla tal-attur Ashton Kutcher. Instab ħati wkoll li pprova joqtol lit-tielet vittma tiegħu f’temp ta’ seba’ snin.

Michael Gargiulo għandu 43 sena. Huwa kien jaħdem bħala handyman u kien jaspira li jkun attur.

Fi proċeduri li għandhom jibdew nhar it-Tlieta, il-Qorti Superjuri ta’ Los Angeles għandha tikkunsidra jekk Gargiulo kienx fi stat mentali stabbli meta wettaq dawn ir-reati.

Ashton Kutcher xehed quddiem il-ġuri f’Mejju li għadda. Huwa rrakkonta kif fl-2001, kellu date ma’ waħda mill-vittmi, Ashley Ellerin ta’ 22 sena, u meta wasal fil-bungalow fejn kienet toqgħod f’Hollywood, sab id-dwal mixgħulin u l-bieb imsakkar. Huwa ttawwal minn ġot-tieqa u ra likwidu aħmar fuq it-tapit, li ħasbu nbid. Telaq, u l-għada filgħodu Ellerin instabet mejta ġo darha minn persuna li kienet toqgħod magħha.

Reuters

Fl-2005, Gargiulo qatel lill-ġara tiegħu Maria Bruno b’sikkina. Bruno kellha 32 sena u nqatlet meta kienet rieqda.

Instab ħati wkoll li fl-2008 ipprova joqtol lil Michelle Murphy f’darha, li wkoll kienet ġara tiegħu. Hija kellha 26 sena. Iġġilditlu meta pprova jattakkaha, u permezz t’hekk, instabet evidenza tad-DNA tiegħu fuq il-post. L-istess evidenza ntużat biex il-pulizija ntebħu li kien Gargiulo li qatel liż-żewġ tfajliet l-oħra.

Fl-1993, huwa kien qatel lil tfajla ta’ 18-il sena.