Awdjo: Il-ħlas taċ-Children’s Allowance se jingħata tliet ġimgħat qabel

Madwar 40,000 familja nhar is-Sibt li ġej se jirċievu ċ-Children’s Allowance u s-Supplimentari.  Dan ifisser li l-ħlas se jsir tliet ġimgħat qabel iż-żmien tas-soltu.

Il-Ministru tal-Familija u s-Solidarjetà Soċjali Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu ħabbret li “ċ-Children’s Allowance u s-Supplimentari se jingħataw qabel iż-żmien biex il-familji jippjanaw u jqassmu aħjar il-flus minħabba spejjeż relatati mal-bidu tas-sena skolastika”.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-iskola Primarja ta’ B’Kara, il-Ministru Coleiro Preca qalet li b’kollox il-Gvern se jkun qed joħroġ is-somma ta’ €7.5 miljun fi ħlas ta’ benefiċċji soċjali.

Nhar is-Sibt li ġej madwar 17,500 familja se jingħataw €5.9 miljun fi ħlas ta’ Children’s Allowance, tad-diżabiltà u Foster Care.  Minn din iċ-ċifra hu stmat li se jibbenefikaw 25,000 tifel u tifla.

23,000 familja se jirċievu s-supplimentari b’total ta’ €1.6 miljun.

Il-ħlas taċ-Children’s Allowance kien jintbgħat lill-familji bi problemi finanzjarji kull tliet xhur: f'Jannar, f'April, f'Lulju u f'Ottubru.  Minn issa 'l quddiem il-ħlas se jibda jsir f'Marzu, f'Ġunju, f'Settembru u f'Diċembru.  Dawk il-familji li għandhom qligħ annwali ta' aktar minn €24,000, se jibqgħu jirċievu ċ-Children’s Allowance f'Jannar.

L-idea li l-benefiċċji soċjali jingħataw qabel iż-żmien ħarġet mingħand erba’ ommijiet wara li tkellmu mal-Prim Ministru dwar il-problemi finanzjarji li jiltaqgħu magħhom biex jixtru l-affarijiet tal-iskola.

Il-Ministru saħqet li peress li dawn il-benefiċċji soċjali se jingħataw tliet ġimgħat qabel “se tkun qed tiġi indirizzata l-inklużjoni soċjali għaliex għal numru ta’ ġimgħat xi tfal imorru l-iskola mingħajr uniformi u stationery”. Kompliet tgħid ukoll li “ovvjament se jkun hemm ukoll impatt fuq in-negozju”.

Fl-aħħar nett, il-Ministru Coleiro Preca ħeġġet lill-pubbliku biex jgħaddi aktar suġġerimenti dwar xi inizjattivi soċjali jixtieq li jara fil-baġit li jmiss billi jibgħat imejl direttament lill-Ministru fuq: marie-louise.coleiro@gov.mt