Il-ħinijiet tal-Water Park se jibqgħu l-istess dan is-sajf

Il-ħinijiet tal-Water Park tal-Qawra, dan is-sajf se jibqgħu l-istess, jiġifieri bejn l-10 a.m. u s-7 p.m.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bdil fil-Klima.

Kelliema għall-Ministeru qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-ħinijiet tal-water park se jibqgħu eżatt bħas-sena li għaddiet, li kienet l-ewwel sena li beda jopera l-park.

Qalet ukoll li wara s-suġġerimenti li waslu din is-sena għand id-Dipartiment konċernat, dan il-bdil mistenni jiġi kkunsidrat is-sena d-dieħla.

Il-Ministeru spjega li sabiex jinbidlu l-ħinijiet huwa meħtieġ li jsir eżerċizzju mill-ġdid, biex jerġgħu jinħadmu n-numru ta’ sigħat li huma aċċettati jew permessibli li jagħmlu studenti universitarji assenjati fil-Water Park taħt skema partikolari. Dan minħabba li l-istudenti ma jistgħux jaqbżu numru ta’ sigħat fuq perjodu ta’ żmien.

Kummenti li dehru fil-ġimgħat li għaddew fuq il-midja soċjali juru x-xewqa li l-park jiftaħ siegħa qabel, minħabba li fl-10 a.m., ix-xemx tkun diġà qawwija. 

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.