“Il-ħinijiet tal-ħwienet għandhom jiġu deċiżi mis-sidien stess”

L-Għaqda tal-Konsumaturi qed issostni l-pożizzjoni li ħadet snin ilu, li l-ħinijiet tal-ħwienet ikunu deċiżi mis-sidien tal-ħwienet stess, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jinqdew aħjar. Temmen li meta jkun hemm restrizzjonijiet fil-ħinijiet tal-ftuħ ikun ifisser restrizzjoni fis-servizz li jingħata.
Dwar id-dokument tal-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħinijiet tal-ħwienet, l-Għaqda tal-Konsumaturi qalet li l-ħajja tal-familji Maltin inbidlet u magħha nbidlu wkoll il-ħinijiet li jibqgħalhom biex jagħmlu x-xirjiet tagħhom.
Enfasizzat li l-perspettiva tal-konsumaturi hemm bżonn tingħata aktar importanza għax illum hemm mezzi oħra minn fejn jistgħu jixtru.
L-Għaqda spjegat li bħalma l-liġi tippermetti li xi spiżeriji jiftħu l-Ħadd u fil-festi pubbliċi, l-Għaqda temmen li wasal iż-żmien li wieħed ikun jista’ jixtri mediċina minn kull lokalità 24 siegħa kuljum. Saħqet li jekk dan mhux possibbli, tistenna li f’dawn il-jiem, tal-inqas spiżerija waħda f’kull lokalità tibqa’ miftuħa matul il-ġurnata.
Waqt li tenniet li r-regolamenti kollha dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet jitneħħew, l-Għaqda tal-Konsumaturi tat l-opinjoni tagħha dwar it-tmien proposti ppreżentati fid-dokument.
Fost l-oħrajn qalet li ma taqbilx mal-proposta li biex il-ħwienet jiftħu l-Ħadd minflok ġurnata oħra matul il-ġimgħa, iridu jinfurmaw lid-Dipartiment tal-Kummerċ. Ma taqbilx lanqas li l-ħwienet ma jistgħux jiftħu fil-Ġimgħa l-Kbira.
Dwar il-proposta li kull nhar ta’ Ħamis, Ġimgħa u s-Sibt, il-ħwienet jistgħu jibqgħu miftuħin sal-10pm, mingħajr l-ebda permess, l-Għaqda qalet li din setgħet faċilment ġiet estiża għal ġranet l-oħra wkoll.   
Minkejja li temmen li dan id-dokument huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, tħoss li minflok qed tittieħed l-opportunità li ssir qabża kbira ‘l quddiem, il-miżuri proposti għadhom konservattivi.