Il-ħinijiet estiżi tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral se jibqgħu l-istess

Il-Parlament iddeċieda li jiftaħ għall-konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha interessati l-estensjonijiet proposti għall-ħinijiet tal-kaċċa fil-park tal-Majjistral.
Din id-deċiżjoni ttieħdet meta il-Parlament approva bi 62 favur u 2 kontra l-emenda tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kienet maħsuba biex, flok jiġi revokat l-avviż legali, tinfetaħ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha interessati.
Għalhekk flok il-mozzjoni mressqa mid-deputat tal-Partit Demokratiku Dr Godfrey Farrugia, għaddiet emenda  ħalli tinstab soluzzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati.
Dan fid-dawl li anke l-bord konsultattiv li kien jinkludi n-Nature Trust, Gaia Foundation u Din l-Art Ħelwa taw il-parir tagħhom kontra l-estensjoni taż-żieda fil-ħinijiet.
Il-Partit Nazzjonalista laħaq ftehim mal-Gvern biex il-mozzjoni tgħaddi b’tali mod li l-qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni sar dalgħodu, bil-Gvern jgħid li l-emenda ma tibdel xejn mil-avviż legali. Il-Partit Demokratiku akkuża kemm lill-Partit Laburista kif ukoll lill-Partit Nazzjonalista li huma t-tnejn kontra l-ambjent.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li xi Membri Parlamentari Nazzjonalisti kellhom il-ħsieb li jivvutaw mal-Partit Demokratiku iżda fl-aħħar mill-aħħar vvutaw mal-linja tal-Partit.