Il-ħidma tal-Papa Franġisku bin-numri

Hu fatt magħruf li kull Papa jiġbed fuqu ammont ta’ kritika jew ta’ tifħir.
Dan tixhdu l-istorja tal-Knisja Kattolika. Kulħadd bil-fehma tiegħu. Iżda ma jista’ jkun hemm ebda dubju li tul il-Pontifikat tiegħu, il-Papa Franġisku żamm lilu nnifsu għaddej il-ħin kollu. Dan hu konfermat minn informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan.
Matul is-snin li ilu jmexxi l-Knisja Kattolika, il-Papa Franġisku ikkanonizza 880 qaddis. Ħatar 61 Kardinal.
Ħareġ żewġ Enċikliki: Lumen Fidei (Ġunju 2013) u Laudato si’ (Mejju 2015). Ippubblika wkoll żewġ Eżortazzjonijiet Appostoliċi: Evangelii Gaudim (Novembru 2013) u Amoris Laetitia (Marzu 2016). Għandu wkoll il-Bolla: Misericoriae Vultus (April 2015).
Papa Franġisku ħareġ sitt “Motu Proprios”, ordnijiet bl-awtorita ta’ Papa, waħda kull sena minn kemm ilu li nħatar biex imexxi l-Knisja.
Ta 219-l Udjenza Ġenerali li fihom tkellem dwar il-fidi, is-Sagramenti, ir-rigali tal-Ispirtu s-Santu, il-Knisja, il-familja, il-ħniena, it-tama Nisranija, u l-Quddiesa.  Barra minn dawn irreċita għal 286 darba ir-Regina Coeli mit-tieqa tal-appartament tiegħu fil-Vatikan.
Fi 22 Vjaġġ Pastorali barra minn Ruma, l-Papa għamel 250,000 kilometru biex żar: il-Brażil, il-Ġordan, il-Palestina, Israel, il-Korea t’Isfel, l-Albanija, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Franza, it-Turkija, Sri Lanka, l-Filippini, Bosnia, l-Ekwador, il-Bolivja, il-Paragwaj, il-Kuba, l-Istati Uniti, il-Kenya, l-Uganda, ir-Republika tal-Afrika Ċentrali, il-Messiku, il-Greċja, l-Armenja, il-Polonja, il-Georgia, l-Ażerbajġan, l-Isvezja, l-Eġittu, l-Portugall, il-Kolombja, il-Myanmar, il-Bangladesh, iċ-Ċilì u l-Peru.
Barra minn dawn għamel 18 il-vjaġġ ieħor fl-Italja, 'il barra minn Ruma flimkien ma’ 16 il-Żjara Pastorali f’parroċċi ġewwa Ruma li hu l-Isqof tagħha.
Papa Franġisku mexxa żewġ Sinodi tal-Isqfijiet dwar: it-III Sinodu Straordinarju dwar il-Familja (2014); XIV Sinodu Ordinarju dwar il-Familja (2015).  Hu għandu diġà ppjanati żewġ Sinodi oħra: Sinodu Ordinarju dwar iż-Żgħażagħ (2018) u Sinodu Speċjali dwar l-Amazonia (2019).
Iddedika wkoll is-Sena tal-Ħajja Konsagrata (Nov 2014-Frar 2016); u s-Sena Mqaddsa tal-Ħniena (Diċ 2015 – Nov 2016).  Iddedika wkoll 7 jiem speċjali: Ġurnata Mondjali ta’ Sawm u Talb għall-Paċi (7 Sett. 2013); 24 Siegħa għal Alla f’xi ġimgħa tal-Avvent (bdiet fl-2014); Il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħolqien fl-1 ta’ Settembru (beda fl-2015);  Jum Mondjali għall-Foqra – it-23 Ħadd matul is-sena (beda fl-2017); Ħadd id-Dinja, ġurnata tal-Ħadd matul is-sena liturġika (beda fl-2017); il-Jum Dinji tal-Emigranti u r-Refuġjati – it-tieni Ħadd ta’ Settembru (beda fl-2018); u l-Jum Dinji ta’ Talb u Sawm għall-Paċi (beda Frar 2018).
Il-Papa ħa sehem ukoll fi tliet ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ:  f’Rio de Janeiro (Lulju 2013); fi Krakow (Lulju 2016) u dak li jmiss li se jsir fil-Panama (Jannar 2019).
Barra minn dan, il-Papa Franġisku sejjaħ erba’ Konċistorji li fihom ħatar 61 kardinal ġdid li 49 minnhom huma Kardinali eletturi u 12 oħra li ma jivvutawx f’elezzjoni għal Papa minħabba l-età, li wieħed minnhom miet ftit ilu. Infatti fi Frar 2014 ħatar 19-il kardinal; fi Frar 2015 ħatar 20 kardinal; f’Novembru 2016 ħatar 17-il kardinal u 5 oħra ħatarhom f’Ġunju 2017.