“Il-ħidma kontra l-kanċer hi prijorità” – Francis Zammit Dimech

Read in English.

L-MEP Francis Zammit Dimech insista li jeħtieġ li ssir aktar riċerka għall-ġlieda kontra l-kanċer, speċjalment meta jkunu involuti t-tfal.

Dan ingħad waqt konferenza dwar il-kanċer li saret fil-Parlament Ewropew, fejn il-Partit Popolari Ewropew insista li l-kanċer għandu jkun prijorità tal-Unjoni Ewropea.

Maria Gatt mill-Hospice Movement, li akkumpanjat lill-MEP f’din il-konferenza, saħqet li filwaqt li l-ġlieda kontra l-kanċer trid tkompli, meta kura ma tkunx possibbli, irid ikun hemm għajnuna u sapport għall-pazjenti u l-familji tagħhom. Hija semmiet l-Isptar Palljattiv ġdid li tnieda riċentament minn Hospice Malta u mill-Knisja, u appellat lill-pubbliku għall-ġenerożità tiegħu.

Skont Zammit Dimech, jeħtieġ li jsir aktar investiment fir-riċerka u l-koperazzjoni mal-Unjoni Ewropea.

Huwa assigura li l-kanċer se jibqa’ prijorità tiegħu tul ħidmietu fil-Parlament Ewropew. Sostna li jixtieq ikun leħen il-pazjenti Maltin u jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa biex jappoġġjawhom.