Il-ħelsien ta’ Martin Galea…mhux aħbar tajba għal kulħadd

Il-wasla ta’ Martin Galea f’Malta, li nżamm maħtuf għall-11-il ġurnata mill-militanti fil-Libja, bla dubju kienet aħbar tajba. Madanakollu l-messaġġi tal-politiċi fuq il-midja soċjali ma kinux ta’ unur għal-lingwa Maltija.
Ftit tal-ħin wara l-wasla ta’ Galea fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fuq il-paġna ta’ Facebook Kelma Kelma, ittellgħu l-messaġġi li kitbu fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. 
Dr Michael Spagnol, li jieħu ħsieb din il-paġna jistaqsi għalxiex bħalma l-Mexxejja jindirizzaw lill-folol fil-mass meetings bil-lingwa Maltija, ma jarax għalfejn jużaw l-Ingliż meta jiġu biex jiktbu fuq Twitter.
Filwaqt li ma eskludiex li dan iseħħ minħabba li fuq Twitter ikun hemm ukoll udjenza barranija, mhux bħal mass meetings, Dr Spagnol qal li jekk wieħed idur ftit Twitter tal-mexxejja politiċi tal-pajjiżi Ewropej, jara li jużaw il-lingwa nazzjonali tagħhom. Semma fost l-oħrajn, il-mexxejja tal-Latvija, tal-Italja, u tan-Norveġja.
Dwar kummenti li għall-finijiet ta’ tweet huwa eħfef li tkun sintetiku bl-Ingliż, Michael Spagnol qal li “min ikun jaf il-lingwa, tkun liema tkun, kapaċi jkun sintetiku jew le, skont il-ħtieġa, bla wisq tbatija.”
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Spagnol qal li f’ċirkustanzi fejn tkun trid tagħmel għażla tiktibx bil-Malti jew bl-Ingliż, wieħed għandu juża l-ilsien nazzjonali.
Sostna li l-messaġġi bl-Ingliż fuq Twitter minn personaġġi ta’ statura nazzjonali jsewdulu qalbu, għax dawn qed jagħmlu għażla lingwistika li jħallu barra l-lingwa nazzjonali.