Il-ħelsien mill-faqar, mill-oppressjoni u mill-persekuzzjoni parti integrali mill-missjoni tal-Knisja

Illum, bħal fl-imgħoddi, li neħilsu lil min hu fqir, maħkum u ppersegwitat hi parti integrali mill-missjoni li Alla afda fil-Knisja.
Il-Papa Franġisku enfasizza dan meta kellem lill-membri tal-Kummissjoni Kattolika Internazzjonali dwar l-Immigrazzjoni li ltaqgħet f’Ruma nhar it-Tlieta u l-Erbgħa. 
Hu rringrazzja lill-Kummissjoni għall-impenn tagħha fid-dawl tal-kundizzjonijiet inumani li qed jgħixu fihom miljuni ta’ emigranti u refuġjati f’diversi partijiet tad-dinja.
Minn meta twaqqfet il-Kummissjoni fl-1951, l-affarijiet inbidlu ħafna. Il-bżonnijiet saru aktar kumplessi u l-Kummissjoni qed tagħti servizz professjonali quddiem dawn l-isfidi ġodda.
“Alla kien bagħat lil Mosè f’nofs il-poplu oppressat biex jimsaħ id-dmugħ tagħhom u jagħtihom it-tama. F’aktar minn 65 sena ta’ ħidma l-Kummissjoni ddistingwiet ruħha biex f’isem il-Knisja twettaq b’diversi modi ħidma ta’ għajnuna lill-emigranti u r-refuġjati f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna.”
Il-Papa qal li d-diversi proġetti li l-Kummissjoni bdiet fil-ħames kontinenti huma xhieda tal-erba’ verbi: ilqa’, iddefendi, ippromwovi, u integra.
Qal li jixtieq li dawn il-kelmiet jikkaratterizzaw il-ħidma pastorali tal-Knisja quddiem il-kriżi tal-emigrazzjoni li qed tiffaċċja d-dinja.
Hu esprima t-tama li l-ħidma tal-Kummissjoni jkompli jispira l-Knejjes lokali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu għal dawk li jkunu sfurzati jitilqu minn pajjiżhom u li ħafna drabi jisfaw vittmi tad-diżonestà, il-vjolenza u abbużi ta’ kull xorta.
Filwaqt li rringrazzja lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħha, enfasizza li għad fadal aktar xi jsir. “Flimkien irridu ninkoraġixxu lill-pajjiżi biex jikkoordinaw ħidma aktar effettiva għall-isfida tal-emigrazzjoni bbażati fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja”.
Il-Papa lill-Ispirtu s-Santu biex ikompli jdawwal lill-Kummissjoni Kattolika Internazzjonali dwar l-Immigrazzjoni u l-membri tagħha fil-qadi tal-ħidma tagħhom li jwasslu l-ħniena u l-imħabba t’Alla lill-emigranti.