Il-ħbieb se jerġgħu jingħaqdu

Ritratt: Warner

Ilhom ħafna jippersistu x-xnigħat u fl-aħħar sigħat waslet il-konferma. L-atturi tas-sensiela Friends se jkunu qed jerġgħu jingħaqdu flimkien għal episodju speċjali li jimmarka l-25 sena anniversarju minn mindu beda jinħadem l-ewwel darba.

L-atturi qed jinsistu li la se jkun reboot u lanqas revival iżda programm speċjali. Dan għaliex huma se jkunu qed jingħaqdu flimkien biex jaqsamu l-memorji tagħhom tas-sensiela mas-segwaċi tagħhom.

Dan il-programm speċjali se jkun lest sa Mejju u jintwera fuq il-pjattaforma HBO Max hekk kif il-puntati kollha ta’ din is-sensiela tgħaddi hemmhekk wara li Netflix ikunu spiċċawwlu d-drittijiet li jkompli juri din is-sensiela popolari hemmhekk.

Jennifer Aniston, Lisa Kudrow, Courtney Cos, David Schwimmer u Matt LeBlanc kienu l-ewwel li ffirmaw biex jieħdu sehem u finalment anki s-sitt ħabib Matthew Perry.

Għalkemm ma ssemmewx ċifri, qed jingħad li l-HBO qed iħallas sew lill-atturi għal dan il-programm speċjali, l-istess bħal ma ħallas ċifra għolja ferm lill-Warner sabiex Friends tgħaddi fuq il-pjattaforma tagħha u ma tkomplix tixxandar fuq Netflix.

L-aħbar intlaqgħat tajjeb ħafna mal-fans tas-sensiela madwar id-dinja u bla dubju għal Netflix se tfisser naqra uġigħ ta’ ras li se jkunu tilfu waħda mis-sensiliet l-aktar b’saħħithom minn fuq il-katalgu tagħhom.