“Il-ħbiberija mal-Papa Franġisku ssaħħet” – il-Papa Emeritu

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI stqarr li l-ħbiberija bejnu u bejn il-Papa Franġisku kibret matul is-snin. Huwa kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-kittieb Peter Seewald. F’din l-intervista qal ukoll li ħejja t-testment spiritwali tiegħu li għandu jinqara wara mewtu.

Din l-intervista hija parti mill-biografija tal-Papa Emeritu li llum għandu 93 sena, u li għadha kif ġiet ippubblikata fil-Ġermanja bit-titlu “Benedikt XVI – Ein Leben” (Il-Ħajja). L-ewwel volum ta’ din it-traduzzjoni bl-Inġliż se tkun ippubblikata f’Novembru.

L-intervista qiegħda fl-aħħar parti tal-ktieb li ġie miktub mill-awtur Peter Seewald, li matul dawn l-aħħar snin ippubblika tliet kotba-intervisti mal-Kardinal Ratzinger u wara l-elezzjoni mal-Papa Benedittu. Issa ġie ppublikat il-ħames ktieb, il-biografija, ta’ dak li sa ftit żmien ilu kien is-suċċessur ta’ Pietru.

Ir-riżenja ta’ Papa Benedittu u Vatileaks

Ma setax jonqos li f’din l-intervista wieħed ma jistaqsix dwar ir-raġunijiet tar-riżenja. Il-Papa Benedittu saħaq li l-Vatileaks ma kinux il-kawża tar-riżenja tiegħu. Hu stqarr li l-viżta tiegħu fuq il-qabar ta’ San Ċelestinu V (l-aħħar Papa qablu – 500 sena qabel – li abdika) kienet koinċidenza.

Kif għamlu papiet qablu, il-Papa Emeritu wkoll, stqarr fl-intervista, ħalla bil-miktub dak li jista’ jiqies bħala t-testment spiritwali tiegħu. Dan se jinfetaħ wara mewtu.

Ir-relazzjoni mal-Papa Franġisku

Fl-intervista, Ratzinger jiġi mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-Papa Franġisku li fi kliemu minn meta ltaqgħu fl-2013 ġewwa Castel Gandolfo (wara l-elezzjoni ta’ Franġisku) il-ħbiberija tagħhom issaħħet.

Fuq il-kwistjoni ta’ numru ta’ Kardinali mal-Papa Franġisku fejn pubblikament talbu jikkoreġi lilu nnifsu, il-Papa Benedittu ma riedx jitkellem b’mod dirett imma rrifera għall-aħħar udjenza Ġenerali tiegħu tas-27 ta’ Frar 2013.

L-awtur

Peter Seewald ippubblika diversi kotba fosthom erba’ kotba-intervisti. “Salt of the Earth,” ippubblikat fl-1997, meta Joseph Ratzinger kien il-Prefett tal-Kongregazzjoni tat-Duttrina tal-Fidi, “God and the World” fl-2002, u “Light of the World” fl-2010.