“Il-ħatra tal-maġistratura m’għandha qatt tkun stqarrija politika”

L-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J Scicluna qal li l-ħatra tal-maġistratura m’għandha qatt tkun stqarrija politika għax din toqtol l-indipendenza esterna tagħha.

Waqt l-quddies tal-ftuħ tas-Sena Fornesi, l-Arċisqof silet parti mid-diskors li għamel il-Papa Franġisku lill-maġistratura Taljana.

Il-quddiesa ssir tradizzjonalment taħt l-inkwatru tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Gwann impitter minn Caravaggio, fejn l-Arċisqof għamel referenza għax-xbieħa tal-mara li f’dan l-inkwatru qed tgħatti wiċċha f’sens ta’ disperazzjoni. Mons. Scicluna qal li din tissimbolizza t-trawma ta’ meta l-ġustizzja tinbidel f’inġustizzja.

Huwa qal li Imħallef għandu jagħti ħajtu biex jirranġja l-inġustizzji li nħolqu mis-soċjeta’.

Scicluna ħeġġeġ lill-maġistratura Maltija biex tagħmel dak li hu sewwa, jkun x’jkun il-prezz li wieħed irid iħallas.

Huwa qal li skont il-filosofija tradizzjonali, il-Ġustizzja tirrappreżenta virtù kardinali u ġaladarba l-Ġustizzja hija virtù din mhix libsa li tintlibes f’ċertu okazzjonijiet iżda għandha  tinġarr kuljum. Il-Ġustizzja hija mod ta’ kif tgħix, li ma tistax tintesa jew tintneħħa, temm jgħid l-Arċisqof.