Il-ħatra ta’ Kummissarju waħda minn sensiela ta’ tibdiliet – Byron Camilleri

Miguela Xuereb

Read in English.


Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-mod il-ġdid kif jinħatar il-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija hija riforma waħda minn sensiela f’diversi istituzzjonijiet fil-pajjiż.

Camilleri spjega li se ssir sejħa pubblika mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li ddeskriviha bħala organu indipendenti li jaqa’ taħt il-kostituzzjoni.

Huwa spjega li wara li l-applikazzjonijiet kollha jiġu analizzati minn din il-Kummissjoni, u ssir shortlisting ta’ żewġ kandidati mill-Kummissjoni, dawn iż-żewġ persuni nominati jidhru quddiem il-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Camilleri qal li dan il-proċess ġie maqbul mal-Kummissjoni Venezja wara diskussjonijiet li l-Gvern kellu mal-istess kummissjoni u li din qablet li l-proposta hija waħda tajba.

Hu nsista li kienet l-istess kummissjoni li rrakkommandat li l-proċess ta’ għażla għandu jsir permezz ta’ sejħa pubblika biex ikun hemm trasparenza.

Camilleri qal li dwar dan il-każ, l-Oppożizzjoni biddlet il-fehma tagħha inqas tliet darbiet. Hu qal li waqt li fl-2017 il-Partit Nazzjonalista kien favur li l-Kummissarju jinħatar bi qbil ta’ żewġ terzi, fl-2019 biddel fehmtu u qal li l-għażla għandha ssir minn kumitat ta’ esperti. Madankollu issa fi kliem Camilleri, il-PN qed jerġa’ jinsisti li l-kummissarju għandu jsir bi qbil bejn żewġ terzi tal-Kamra.

Il-Ministru qal din il-proposta hija waħda irresponsabbli u ma taħdimx.