Il-ħatra ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru

 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa l-ġurament tal-ħatra.
Huwa mhux biss ħa l-ġurament tal-ħatra, imma anke ġurament li jkun leali lejn il-Kostituzzjoni ta' Malta.
12.59 Il-Prim Ministru ħareġ mill-Palazz u mexa lejn Kastilja, fejn minn hemm ħareġ fil-gallarija jsellem lill-folla.
12.33 Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-midja, Joseph Muscat qal li l-prijorità tiegħu hija li jgħaqqad lil Malta. Saħaq li jrid ineħħi d-diviżjoni bejn il-poplu, li ġabet magħha l-kampanja elettorali. Tenna li irrispettivament tar-riżultat elettorali, li fi kliemu kien l-akbar wieħed fl-istorja ta’ Malta, mhux se jħares lejn in-nies bħad-dubbien. Qal li l-Kabinett beħsiebu jaħtru sa tmiem il-ġimgħa u indika li se jkun hemm xi tibdil mill-kabinett preċedenti fosthom li jkun hemm uċuħ ġodda.
12.26 Huwa ħareġ fil-gallarija jsellem lin-nies.
12.12 Il-Prim Ministru ħa l-ġurament tal-ħatra.
11:51 Joseph Muscat jidħol fil-Palazz tal-President. Fil-Palazz Dr Muscat għamel laqgħa mal-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca.
11.23  Wasal il-Belt Valletta Joseph Muscat flimkien ma' martu Michelle u wliedhom. Minn hemm huma waqfu quddiem il-Parlament u wara bdew mexjin lejn il-Palazz tal-President.
11.00  Il-Kummissarju Elettorali Joseph Church ippreżenta r-riżultat tal-elezzjoni lill-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
Intant għall-ġurament tal-ħatra kien hemm preżenti uffiċjali għolja kif ukoll eks Ministri u kandidati tal-Partit Laburista. 
Fost l-oħrajn kienu preżenti għaċ-ċerimonja tal-ġurament, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona u l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech.
Spikkat ukoll il-preżenza ta' Keith Schembri, li fl-aħħar erba' snin kien iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Intant l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA)  awgurat lil Joseph Muscat u l-Partit Laburista għar-rebħa fl-elezzjoni ġenerali.  Qalet li hija lesta li tkompli taħdem mal-Gvern biex ikompli jimplimenta politika ekonomika. 
Min-naħa tagħha l-BirdLife Malta awgurat ukoll lil Dr Muscat u qalet li se tfittex modi li taħdem fi qrib miegħu dwar kwistjonijiet relatati mal-ambjent għall-ġid ta’ Malta.

Ritratti: Ian Noel Pace
Tal-preżentazzjoni tar-riżultati: DOI – Jason Borg.
Familja Dr Muscat: DOI – Omar Camilleri
Uħud mir-ritratti ta' Dr Muscat miexi fit-triq: Clodagh Farrugia O'Neill