“Il-ħatra ta’ bint il-Ministru Herrera hija l-agħar eżempju ta’ nepotiżmu” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-ħatra ta’ bint il-Ministru Josè Herrera bħala ġudikant hija l-agħar eżempju ta’ nepotiżmu.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kien qed jirreaġixxi għar-rapport tat-Times of Malta, li jgħid li Martina Herrera, ġabet il-liċenzja ta’ avukat fi Frar li għadda u issa nħatret Kummissarju għall-Ġustizzja.
Il-PN saħaq li hu ovvju li ntgħażlet biss għax hija tifla ta’ Ministru u l-ħatra tagħha se tkompli “ttappan” il-ġustizzja f’Malta.
Żied jgħid li bil-ħatriet li għamel fil-qasam tal-ġustizzja fl-aħħar erba’ snin, il-Gvern poġġa dubju fuq il-proċess tal-ġustizzja.
Fakkkar fil-ħatra tal-eks Deputat Mexxej Laburista, Tony Abela, bħala Imħallef u persuni oħra viċin il-gvern li ġew maħtura f’kariġi ta’ ġudikanti.
L-istqarrija ttemm tgħid li b’dawn il-ħatriet, in-nies qed jitilfu l-fiduċja fil-ġustizzja.