Il-‘ħasil tar-riġlejn’ miftuħ għall-poplu kollu t’Alla

Digriet li ffirma l-Papa Franġisku ftit jiem qabel il-Milied, u li ġie ppubblikat biss illum, jgħid li mhumiex biss l-irġiel li jistgħu jintagħżlu għaċ-ċerimonja simbolika ta’ Ħamis ix-Xirka, tal-ħasil tar-riġlejn.
Lill-Kardinal Robert Sarah, li jmexxi l-Kongregazzjoni responsabbli mid-Dixxiplina tas-Sagramenti, il-Papa stqarr li kien ilu żmien jirrifletti fuq kif din iċ-ċerimonja tista’ tirrifletti b’mod sħiħ il-ġesti ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu, bħala simbolu tal-fatt li Ġesù ta lilu nnifsu għas-salvazzjoni tal-bniedem.
Fid-digriet, il-Papa qal li l-għażla tal-persuni għaċ-ċerimonja tal-ħasil tar-riġlejn għandha tkun miftuħa għall-poplu kollu t’Alla waqt li rrakkomanda li lil dawn, tingħatalhom spjegazzjoni adegwata tar-rit.