“Il-ħarsien ambjentali huwa marbut mad-drittijiet umani” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li kultura ta’ ħarsien ambjentali hija parti intrinsika mid-drittijiet umani.
Coleiro Preca qalet dan waqt iċ-ċerimonja li matulha 34 skola madwar Malta u Għawdex ingħataw il-bandiera l-ħadra, parti mill-proġett EkoSkola li hu kkoordinat minn Natura Trust – FEE Malta.
F’indirizz, il-President iddeskrivit lit-tfal u ż-żgħażagħ bħala attivisti biex jibnu kultura ta’ paċi pożittiva marbuta ma’ ġustizzja ambjentali li fi kliemha hija parti importanti mit-twettiq tal-ġustizzja soċjali.”
Il-President qalet li bil-ħidma tagħhom, dawn it-tfal qed iwettqu dak li qablu dwaru l-mexxejja tad-dinja fl-2015, jiġifieri l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli
Fost oħrajn, dawn il-miri jitkellmu dwar ilma nadif, l-enerġija, bliet aktar inklussivi, it-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni tal-ibħra u l-konservazzjoni tal-ħajja.

Ritratt: DOI- Jason Borg