“Il-ħares tal-kanċer jiġri warajja kultant; għajnuna sfiqa”

Clare Busuttil ilha tikkumbatti l-kanċer għal dawn l-aħħar tmien snin. Hija qalet li xi drabi tħoss il-ħares tal-kanċer jiġri warajha, iżda hija żżomm pożittiva kemm jista’ jkun, u tibqa’ grata għall-għajnuna kbira li sabet, partikolarment mill-one stop shop tal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer.

Clare kienet waħda mill-kelliema fil-konferenza li saret bl-isem Cancer: Know the Facts fil-31 ta’ Jannar, organizzata mill-istess pjattaforma.

Fid-diskors tagħha, Clare spjegat li saret taf li għandha kanċer tas-sider tmien snin ilu, meta kellha 32 sena. Fl-2015 qalulha li l-kanċer tagħha huwa avvanzat.

Minkejja li Clare tipprova taffaċċja l-ostakli li tiltaqa’ magħhom bi tbissima fuq wiċċha, hija ammettiet li mhux dejjem ikollha s-saħħa biex tagħmel dan il-vjaġġ. Sikwit ġiet bżonn għajnuna psikoloġika, apparti mill-fiżjoterapija li trid tagħmel biex tkun tista’ timxi, peress li minħabba t-trattament li tieħu għall-kanċer tbati bl-għadam.

Hija semmiet xi diffikultajiet li kellha taffaċċja tul is-snin minħabba l-marda li ħakmitha, anke affarijiet trivjali li forsi dak li jkun ma jgħaddulux minn moħħu, bħall-fatt li ħafna pazjenti tal-kanċer ma jistgħux jużaw it-trasport pubbliku minħabba r-riskju ta’ infezzjoni, u mhux dejjem ikollhom il-possibbiltà li jsuqu, għalhekk iridu jsibu min iwassalhom.

“Anġli mingħajr ġwienaħ”

Clare tkellmet fit-tul fuq l-uffiċċju tal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer li jinsab fl-Isptar Mater Dei, li hi żżuru ta’ sikwit. Hemmhekk tħoss sens ta’ wens u solidarjetà, tħossha milqugħa, u lill-ħaddiema ta’ dan l-uffiċċju sejħitilhom “anġli mingħajr ġwienaħ.”

F’dan l-uffiċċju l-pazjenti jsibu ma’ min jiftħu qalbhom. Hemm ukoll librerija bl-isem Librerija Balzmet ir-Ruħ, li toffri għażla vasta ta’ kotba ta’ ispirazzjoni. Din il-pjattaforma toffri wkoll servizzi b’xejn ta’ massages, aromaterapija u riflessoloġija, li jgħinu lill-pazjenti biex jirrilassaw, u anke biex itaffu ftit mill-uġigħ li jkollhom.

Clare temmet id-diskors tagħha b’xi rakkomandazzjonijiet għall-carers fi ħdan il-Pjattaforma Nazzjonali għall-Kanċer. Qaltilhom biex jibqgħu jpoġġu lilhom infushom fil-pożizzjoni tal-pazjenti li jiltaqgħu magħhom, jibqgħu juru kompassjoni, filwaqt li jkunu kompetenti u jempatizzaw mal-pazjenti, iżda tathom il-parir li qatt ma jħallu l-problemi tal-pazjenti jaffettwawhom iżżejjed.

Fil-konferenza 'Cancer: Know the Facts' sħaqt fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-kuxjenza li qed issir biex tgħin kif…

Posted by George Vella on Friday, January 31, 2020

Il-pjattaforma tikkonsisti f’għadd ta’ NGOs li kollha għandhom irwoli differenti, iżda li jikkumplimentaw lil xulxin. Dawn huma: Action for Breast Cancer Foundation, Alive Charity Foundation, Aurora Support Service, Europa Donna Malta, Hospice Malta, Karl Vella Foundation, Malta Community Chest Fund, Malta Health Network, Malta Male Cancer Awareness, Malta Colorectal Cancer Awareness Group, Puttinu Cares u Smiling with Jerome.