Mhux ħatja s-sid akkużata b’burdell

Sid il-ħanut tal-massaġġi li kien ġie allegat li kienet qed joffri wkoll servizzi sesswali, ma nstabitx ħatja bit-tmexxija ta’ burdell wara li l-Qorti ħarġet li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ x’kien qed jiġri fil-ħanut.

Lura fl-2014 Guohong Rekkers ta’ 47 sena kien tressqet il-Qorti b’għadd ta’ akkużi miġjuba kontriha, inkluż bit-traffikar uman, li żammet persuna kontra x-xewqa tagħha, li kienet tgħix fuq flus li daħħal mill-prostituzzjoni, li kienet tmexxi burdell, li kienet qed tuża liċenzja ta’ post għal xi ħaġa li ma kinitx liċenzjata biex tmexxi u atti immorali. Madanakollu hi kienet wieġbet mhux ħatja.

Aktar tard, il-mara li allegatament kienet qed tmexxi ħanut f’Birkirkara bħala burdell, kienet tnaqsitilha l-akkuża tat-traffikar uman mill-Avukat Ġenerali.

Fost ix-xhieda fil-Qorti kien hemm impjegata Ċiniża li fid-dettall kienet spjegat l-andament tax-xogħol fil-ħanut. Hi kienet qalet li l-flus li kienet tagħmel kienu jinqasmu bejnha u bejn is-sid. Kienet qalet li hi u l-kollega tagħha kienu jagħmlu ġranet sħaħ waħedhom fil-ħanut, u qalet li s-sid kienet tgħaddi ħdejhom għal ħin verament qasir, darba kuljum.

Iċ-Ċiniża spjegat li l-maġġoranza tal-klijenti tagħha kienu kollha rġiel u wħud minnhom kienu jitolbu għal atti sesswali. Hi qalet li kienet ftehmet mas-sid biex toffri wkoll dawn is-servizzi u taqsam il-ħlas tagħhom nofs b’nofs. Klijenti tal-burdell kienu qalu li rċevew servizzi sesswali filwaqt li kaxxa li kellha aktar minn 70 kontraċettiv instabet f’waħda mill-gwardarobbi.

Jidher li l-evidenza pprovduta fil-Qorti ma kinitx biżżejjed biex is-sid tal-ħanut tiġi tidher kompliċi li pprovdiet servizzi sesswali. Hi sostniet li meta fil-passat kienet taħdem fi ħwienet tal-massaġġi, kemm-il darba kienet intalbet tagħti servizzi sesswali, madanakollu dejjem irrifjutat.

Il-Qorti kkonkludiet li ma kienx hemm dubju li l-ħanut f’Birkirkara kien qed jintuża sabiex joffri servizzi sesswali bil-ħlas u prostituzzjoni, madanakollu sostnew li m’hemmx biżżejjed evidenza li turi li l-akkużata seta’ kellha x’taqsam ma’ dan.