“Il-Ħamis li ġej se ngħaddi messaġġ partikolari lill-PL” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li nhar il-Ħamis li ġej se jħabbar il-viżjoni tal-Partit Laburista għas-snin li ġejjin.
Waqt intervent fuq One Radio dalgħodu, il-Prim Ministru irrefera għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista li se tkun qed titlaqqa’ l-ġimgħa d-dieħla, fejn qal li bi ħsiebu juża d-diskors tiegħu ħalli jgħaddi messaġġ partikolari ħafna għall-Partit Laburista. Qal li dan se jelenka l-viżjoni li se jħaddan il-Partit.​
Stqarr kif it-tliet kandidati li se jikkontestaw għall-kariga ta' Deputat Mexxej huma b’saħħithom ħafna. Qal li jagħżlu lil min jagħżlu d-delegati Laburisti, il-Partit jrid jibqa’ jaħdem u ż-żewġ kandidati li ma jiġux eletti se jibqgħu parti mill-kabinett.
Tkellem ukoll dwar il-liġi tal-ugwaljanza, fejn qal li jekk hemm politiċi li jaħsbu li jistgħu jżommu l-bidla, dawn għadhom ma fehmux kemm is-soċjetà Maltija qed tinbidel.
Il-Prim Ministru tenna li min qed jitkellem kontra l-liġi qed jitkellem hekk għax qiegħed fuq wavelength differenti.
Sostna li hu jirrispetta aktar nies li jgħidu li ma jaqblux mal-liġi, imma almenu tkun taf fejn qiegħed magħhom, milli jkun hemm xi ħadd li jitkellem kontra u jivvota favur.
Ritratt: Leon Xuereb