Il-Ħamis l-iktar ġurnata magħrufa għall-inċidenti tat-traffiku – NSO

Luke Zerafa

L-aktar ġurnata li fiha ġraw inċidenti bejn April u Ġunju ta’ din is-sena kienet il-Ħamis skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Ġie spjegat li 606 mill-inċidenti kollha li seħħew ġraw fil-ġurnata tal-Ħamis. Intant, fl-istess ġurnata hemm l-akbar numru ta’ każwaltajiet li jammontaw għal 66. L-istatistika turi wkoll li l-inċidenti seħħew l-aktar frekwenti bejn n-nofsinhar u t-3pm, b’total ta’ 841 każ f’dan il-perjodu. Intant, it-tieni l-aktar ħin popolari, fejn seħħew 812-il inċident huwa bejn id-9am u nofsinhar.

3,818 inċident fit-tieni kwart tas-sena

L-istatistika tal-NSO turi li fit-tieni kwart tas-sena 2019 kien hemm total ta’ 3,818-il inċident. Dan ra tnaqqis ta’ 0.5% fuq l-istess perjodu meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. L-aktar parti ta’ Malta li fiha seħħew inċidenti hija t-Tramuntana b’total ta’ 1,405 każi li jammontaw għal 36.8% tal-inċidenti.

L-akbar ammont ta’ inċidenti kienu rreġistrati f’Birkirkara, b’total ta’ 312-il inċident. Fit-tieni post ġie Ħal Qormi b’215-il inċident u fit-tielet post hemm San Pawl il-Baħar b’178-il inċident.

Jonqsu l-każwaltajiet fit-toroq

L-istatistika tkompli turi li l-każwaltajiet fit-toroq naqsu b’10.4% minn fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. B’hekk bejn April u Ġunju kien hemm total ta’ 421 każwalità. Persuni li ndarbu gravi kien hemm 50 xufier, 13-il passiġġier u 22 persuna li kienu għaddejjin bil-mixi, ċiklisti u oħrajn. Intant, il-fatalitajiet triplaw minn fuq is-sena li għaddiet, hekk kif l-ewwel sitt xhur tas-sena 2019 raw seba’ persuni jitilfu ħajjithom fit-triq, sitta minnhom fit-tieni kwart tas-sena.