Il-Ħamis jitressqu l-qorti l-akkużati bil-qtil tal-ġurnalist Slovakk

Dan il-proċess kriminali mistenni jkun prova tas-sistema ġudizzjarja Slovakka

REUTERS/Radovan Stoklasa

Nhar il-Ħamis li ġej mistenni jibda l-proċess quddiem il-Qorti Kriminali ta’ negozjant u tliet persuni oħra akkużati bil-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu. Dan il-każ qed jitqies bħala prova tas-sistema politika u ġudizzjarja Slovakka, ftit xhur qabel l-elezzjoni fi Frar.

Kuciak inqatel fi Frar tal-2018, flimkien mal-għarusa tiegħu Martina Kusnirova. Dan il-qtil wassal għal għadd ta’ dimostrazzjonijiet u protesti kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż, li wasslu biex il-Prim Ministru Robert Fico jirreżenja.

Il-ġurnalist investigattiv kellu 27 sena u nqatel barra daru fi Bratislava. Il-qtil tiegħu seħħ erba’ xhur biss wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-prosekuturi huma tal-fehma li l-intraprenditur Marian Kocner kien wara l-qtil tal-ġurnalist. Kocner kien is-suġġett tar-rappurtaġġ ta’ Kuciak. L-akkużat u żewġ persuni li allegatament kienu kompliċi qegħdin iwieġbu mhux ħatja, filwaqt li r-raba’ suspettat ammetta għall-involviment tiegħu. Jekk jinstabu ħatja, dawn jistgħu jaffaċċjaw sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Raġel ieħor ammetta li ffaċilita l-qtil, u għamel ftehim mal-prosekuturi biex jaġixxi bħala xhud.

Nhar il-Ħamis, waqt is-smigħ preliminari, l-imħallfin mistennijin jiffissaw data għas-smigħ ewlieni jew jistaqsu lill-prosekuturi għal iżjed evidenza.