Il-ħames pompa tal-LPG f’Malta

Liquigas Malta qed tkompli tespandi l-provvista tal-fjuwil alternattiv iktar nadif – Liquified Petrolium Gas (LPG) – għall-vetturi konvertiti.
Il-ħames pompa ta’ AutoLiquigas tinsab fil-pompa tal-petrol Santa Maria Service Station, fil-Mellieħa.
Fi stqarrija, AutoLiquigas qalet li din il-lokalità hi konvenjenti għal nies li jgħixu u jaħdmu fir-reġjun tat-tramuntana ta’ Malta, kif ukoll għal dawk li jmorru jew jaslu Malta minn Għawdex.
Qalet ukoll li madwar 2,000 vettura diġà ġew ikkonvertiti mill-użu ta’ petrol għal LPG minn mindu Liquigas Malta nediet l-AutoLiquigas tagħha f'Malta fl-2012.
Stħarriġ li sar juri li fl-2016 vetturi li jaħdmu b’LPG naqqsu aktar minn 500 tunnellata ta' CO2, flimkien ma’ tnaqqis sinifikanti tal-ossidji tan-nitroġenu (NOx) u materja partikulata (particulate matter).
Diġà hawn erba’ pompi tal-fjuwil li għandhom pompa tal-AutoLiquigas li jinsabu fil-Malta International Airport Service Station fil-Gudja; J Micallef Service Station fi Triq Buqana, ir-Rabat (Malta); il-Wembley Service Station fi Triq Sant’Andrija is-Swieqi; u għand VC Service Station fi Triq Naxxar, il-Għargħur
Żewġ pompi oħra mistennija jitlestew fil-bidu tas-sena 2018, inkluża waħda f’Għawdex.
Il-konverżjonijiet tal-vetturi għall-LPG qed isiru minn seba’ installaturi awtorizzati tal-autogas madwar Malta. B’konverżjoni għal-LPG, karozza jkollha għażla ta’ żewġ tipi ta’ fjuwil – jiġifieri li tista’ taħdem kemm b’LPG kif ukoll bil-petrol permezz ta' swiċċ, bil-faċilità li dan is-swiċċ jista’ jkun maqlub anki waqt is-sewqan.
Għall-iskema tal-gvern tal-konverżjoni tal-użu bil-gass, persuna għandha tapplika għand Transport Malta. Din l-iskema tagħti sa €200, suġġetti għal xi kundizzjonijiet. Din l-iskema għadha kemm kienet estiża mill-gvern fil-baġit għall-2018.