Il-ħames edizzjoni ta’ Summer On the Move f’Għawdex

Il-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Gozo Sports Board u bil-kollaborazzjoni ta’ Sports Malta, qed iniedi l-ħames edizzjoni ta’ Summer on the Move. L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir bejn it-8 ta’ Lulju u s-6 ta’ Settembru.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-programm,  il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board Alvin Grech qal li għal din is-sena żdiedu id-dixxiplini sportivi li se jkunu qed jiġu prattikati, hekk kif 19-il dixxiplina se tkun mgħallma minn 21 għalliem u kowċ kwalifikati u dedikati biex joffru servizz ta’ kwalità. Grech qal li l-parteċipazzjoni f’Summer on the Move hi miftuħa għal tfal li għandhom bejn erbgħa u sittax-il sena.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li minn sena għal oħra, Summer on the Movedejjem kiber, kemm fin-numru ta’ parteċipanti, kif ukoll fl-għażla ta’ dixxiplini sportivi. Il-Ministru Caruana qalet li l-ministeru hu impenjat biex ikompli jgħolli l-livell tal-atleti u l-faċilitajiet f’Għawdex, u xhieda ta’ dan hu n-numru ta’ skemi ta’ għajnuna u proġetti infrastrutturali li qed jiġu implimentati, fosthom tennis courts ġodda f’Ta’ Kerċem.

Il-Ministru għal Għawdex tkellmet dwar kif il-Ministeru, għal sena oħra, se jerġa’ jissussidja din l-iskema biex dawk li se jipparteċipaw iħallsu biss nofs il-prezz.