L-Iżrael jaċċetta li jwaqqaf l-attakki f’Gaża

L-Iżrael aċċetta l-proposta tal-Eġittu li jpoġġi madwar mejda mal-Palestina biex forsi jibdew in-negozjati ta’ paċi bejn iż-żewġ territorji.
Ilbieraħ filgħaxija l-Eġittu ppropona biex il-ġlied bejn l-Iżrael u l-Palestina jieqaf minn dalgħodu u f’temp ta’ 48 siegħa, fil-Kajr jibdew in-negozjati miż-żewġ naħat.
Il-Ħamas, li jikkontrolla Gaża, sa issa għadu ma kkonfermax li se jilqa’ l-proposta iżda sa ftit ilu, kien tal-fehma li jirrifjuta li jwaqqaf l-attakki.

Aktar kmieni: Wara sebat ijiem ta’ ġlied, l-għadd tal-vittmi tal-attakki mill-iżrael tela’ għal 180 waqt li weġġgħu aktar minn 1,100 persuna.
Waqt li jidher li la l-Iżrael u lanqas il-Ħamas mhuma se jieqfu mill-vjolenza, matul il-lejl, l-Eġittu ppropona li l-attakki jieqfu minn dalgħodu filgħodu u f’temp ta’ 48 siegħa lest li jilqa’ delegazzjoni Iżraeljana u Palestinjana sabiex jibdew in-negozjati.
Proposta li l-Ħamas ma aċċettax waqt li skont il-mezzi tax-xandir, il-kabinett tas-sigurtà Iżraeljana dalgħodu mistenni jiltaqa’ biex jevalwa l-proposta tal-Eġittu.
In-Nazzjonijiet Magħquda qed tgħid li 17,000 persuna sabu rifuġju f’waħda mill-faċilitajiet tagħha wara li ħarbu miż-żoni li jinsabu fit-tramuntana ta’ Gaża bil-biża’ li jistgħu jiġu sparati aktar rokits.