Il-ħalib tat-trabi Lactalis ikkontaminat bis-salmonella

Il-kumpanija Lactalis, ordnat li jinġabar il-ħalib tat-trabi li tipproduċi minħabba biża’ li jista’ jkun ikkontaminat bis-salmonella.
L-awtoritajiet fi Franza, minn fejn topera l-kumpanija, qalu li mill-bidu ta’ Diċembru, 26 tarbija ddaħħlu l-isptar wara li ngħataw minn dan il-ħalib.
Għalkemm għadu mhux magħruf jekk kienx hemm rapporti oħra f’pajjiżi differenti, il-kumpanija talbet li jinġabar il-prodott mill-pajjiżi kollha fejn jinbiegħ.
Lactalis hija waħda mill-akbar kumpaniji tal-ħalib, b'kelliem tagħha jgħid ma’ midja internazzjonali li madwar 7,000 tunellata ta’ ħalib jista’ jkun li ġie kkontaminat.
Għadu mhux magħruf kemm minn dawn għadhom fis-suq, inbiegħu jew ġew ikkonsmati.
Skont l-AFP, il-ħalib ġie kkontaminat fil-fabbrika li l-kumpanija għandha f’Craon, fi Franza, waqt il-proċess li fih it-trab tal-ħalib jitħalla jinxef.
Il-prodotti kollha li ħarġu minn din il-fabbrika sa minn Frar li għadda, qed jinġabru lura.