Il-ħajja tiġi l-ewwel u qabel kollox – Franġisku

Kull ħajja tiġi l-ewwel u qabel kollox u kull fjamma żgħira għandha tkun imħarsa fl-eqqel tal-lejl mudlam.
Papa Franġisku enfasizza dan meta kien qed ikellem membri tal-Assoċjazzjoni “A Rare Life”, l-għada li ċ-ċkejken Alfie Evans miet wara li l-ġenituri tiegħu għamlu battalja legali biex jippruvaw isalvawh.
L-Assoċjazzjoni taħdem biex tagħti vuċi simbolika lil dawk milquta minn dak li hu magħruf bħala ‘Allad Herndon Dudley Syndrome” u lil dawk li qed jagħmlu riċerka xjentifika dwar mard rari.
Il-Papa beda l-laqgħa tiegħu mal-membri ta’ din l-Assoċjazzjoni billi esprima l-apprezzament tiegħu għal dawk l-għaqdiet u organizzazzjonijiet iddedikati għar-riċerka xjentifika dwar il-mard u li joffru solidarjetà lil dawk milquta minn dan it-tip ta’ mard.
Filwaqt li għaraf li fir-realtà hemm tbatija għal dawk li jsofru minn dan il-mard, il-Papa enfasizza li “jien dejjem tolqotni ħafna u nammira r-rieda tal-familji li jingħaqdu flimkien biex jiffaċċjaw sitwazzjonijiet bħal dawn u jippruvaw jagħmlu minn kollox biex itejbuha”.
Hu faħħar lil din l-Assoċjazzjoni għax hi pożittiva. “In-negattiv jeżisti, u dan nafuh, hi l-ħajja ta’ kuljum. Imma l-isem “A Rare Life” juri li intom tafu kif għandkom taraw it-tajjeb: kull ħajja umana hi unika, u filwaqt li l-mard jista’ jkun rari jew rari ħafna, hi l-ħajja li tiġi l-ewwel u qabel kollox”, qal il-Papa lid-delegati.
Dan l-atteġġjament pożittiv hu “miraklu”  tipiku tal-imħabba. U hi l-imħabba li twettaq dan il-‘miraklu’” għax l-imħabba taf tara t-tajjeb anke f’sitwazzjoni negattiva, l-imħabba taf kif għandha tħares dik il-fjamma żgħira fl-eqqel tal-lejl mudlam”, qal Papa Franġisku.
L-imħabba tagħmel miraklu ieħor. “Tħallina nibqgħu miftuħa għall-oħrajn, kapaċi naqsmu flimkien u nkunu solidali anke meta wieħed ikun qed isofri minn xi marda jew kundizzjoni diffiċli li tista’ tħalli effett fuq il-ħajja ta’ kuljum”