Il-ħajja tal-immigranti u r-refuġjati marret għall-agħar matul il-pandemija

Facebook; Mediterranea Saving Humans

Read in English.

Iktar minn 30,000 refuġjat u immigrant minn reġjuni differenti madwar id-dinja pparteċipaw f’survey li jassessja l-impatt li ħalliet il-pandemija tal-coronavirus fuq is-saħħa mentali u fiżika tagħhom kif ukoll il-mod kif jaħdmu u jissapportjaw lilhom innifishom.

L-istudju bl-isem ta’ ‘Apart Together survey’ jagħti ħarsa lejn l-impatt tal-coronavirus fuq il-ħajja tal-immigranti. L-immigranti ntalbu biex jagħtu numru bejn 0 u 10 dwar l-impatt li ħalliet fuqhom il-pandemija. 0 jindika li ma ħalliet l-ebda impatt filwaqt li 10 ħalliet impatt kbir. Il-medja kienet ta’ 7.5.

Id-Direttur Ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li, “ir-refuġjati u l-immigranti ħafna drabi jgħixu u jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna u ma jkollhomx aċċess tajjeb għal saħħa, akkomodazzjoni, ilma, indafa u affarijiet bażiċi oħra.” Żied li l-pajjżi kollha għandhom inaqqsu l-ostakli li ma jippermettux li l-immigranti u r-refuġjati li jkollhom aċċess għal saħħa aħjar.

Skont aktar minn nofs il-parteċipanti, il-pandemija żiedet il-livell ta’ dippressjoni, biża’, ansjetà u solitudni. 20% tal-parteċipanti qalu li ħassew is-saħħa mentali tagħhom tiddeterjora u żdied il-konsum tad-droga u l-alcoħol.

Minn dan l-istudju ħareġ ukoll  li n-nuqqas ta’ informazzjoni minħabba l-lingwa u l-kultura kompla żied il-marġinalizzazzjoni tal-komunitajiet tar-refuġjati u l-immigranti.

Immigranti li m’għandhomx dokumenti ħafna minnhom ħassewhom esklużi mill-programmi ta’ saħħa u skemi ta’ protezzjoni soċjali. Ħafna minn dawn l-immigranti u r-refuġjati qali li ma jfittxux kura tas-saħħa inkluż tal-coronavirus minħabba problemi finanzjarji u biża’ li jiġu deportati.

L-għaqda Dinjija tas-Saħħa irrimarkat li l-immigranti u r-refuġjati għandhom jiġu inklużi fit-tfassil tal-politika rigward il-coronavirus.