Il-ħajja ta’ Francesco Totti se tinħadem f’serje televiżiva

Wildside, il-produtturi ta’ sensiliet bħal The Young Pope u The Mafia Only Kills in Summer ħabbret li xtrat id-drittijiet ta’ Un Capitano, l-awtobiografija li Francesco Totti kiteb ma’ Paolo Condò, ġurnalist ta’ Sky Sport u ta’ La Gazzetta dello Sport.

B’hekk Wildside issa qed tippjana li taddatta dan il-ktieb f’serje televiżiva biex titwassal l-istorja ta’ suċċess ta’ dan il-plejer li kien jilgħab mat-tim tar-Roma u mat-tim nazzjonali Taljan.

Ix-xogħol fuq din is-serje għadu fi stadju bikri u bħalissa il-produtturi qed jaħdmu fuq bosta fatturi, fosthom liema stazzjon jew pjattaforma jkun interessat li jġorr din is-sensiela kif ukoll min jista’ jkun dak li jinterpreta l-parti ewlenija ta’ Totti.

Xejn ma hu kkonfermat iżda jingħad li l-produtturi tefgħu ħarsithom fuq l-attur Alessandro Borgi, li ħadem f’għadd ta’ sensiliet magħrufa fosthom Che Dio Ci Aiuti u Suburra: Blood and Rome. Qed jissemmew ukoll li qed jiġu kkunsidrati wkoll atturi bħal Valerio Mastandrea u Pierfrancesco Favino f’karattri oħra.

Il-kumpanija Wildside ħarġet ukoll sejħa għal atturi biex jagħmlu auditions għal partijiet sekondarji u extras.