Il-ħajja hi prezzjuża u għal dejjem

Il-poster li qed jintuża fil-Kanada għall-Mixja Favur il-Ħajja

L-Organiżazzjoni Kanadiża għall-Ħajja u l-Familja se torganizza l-Marċ għall-Ħajja nhar il-Ħamis 9 ta’ Mejju li jaħbat il-50 anniversarju minn meta fil-pajjiż għaddiet il-liġi li tiddekriminalizza l-abort f’ċertiċirkostanzi.

20 sena wara li għaddiet dik il-liġi, il-Qorti Suprema Kanadiża f’sentenza li tat kienet iddeċidiet li r-restrizzjonijiet legali fuq l-abort kienu jmorru kontra l-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Illum, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Korea ta’ Fuq u l-Vjetnam huma l-uniċi pajjiżi fid-dinja fejn m’hemm ebda restrizzjonijiet fil-liġi, fuq l-abort.

F’messaġġ għall-okkażżjoni, l-Organiżazzjoni għall-Ħajja u l-Familja qalet li l-attakk fuq il-ħajja umana fil-Kanada mhux ristrett biss fuq persuni qabel jitwieldu, imma l-pajjiż issa llegalizza wkoll l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit. Qed issir pressjoni biex isir possibbli dak li l-Gvern Kanadiż, ewfemistikament isejjaħlu “għajnuna medika fil-mewt” għal persuni b’diżordni mentali u minuri maturi – jiġifieri prsuni li mhux kapaċi jiddeċiedu għalihom infushom.

Ħażen li ma jridx jieqaf

“X’nistgħu nagħmlu quddiem dak li jidher bħal ħażen li ma jridx jieqaf?”, staqsiet l-Organiżazzjoni. “Qed ngħixu f’Kultura tal-Mewt.  Imma Alla hu l-awtur tal-ħajja; dak li jogħġbu hu mqaddes bl-imħabba tiegħu li ssalvana. Għalhekk, bħala nsara aħna ngħixu bit-tama. Permezz ta’ Ġesù, li ssallab u rxoxta għalina, ksibna r-rebħa fuq id-dnub u l-mewt. Din iċ-ċertezza tridna nagħmlu kull sforz biex indaħħlu Kultura tal-Ħajja.”

Il-messaġġ iżid li “L-unika ħaġa li hemm bżonn biex il-ħażen jirbaħ hi li l-bniedem tajjeb jibqa’ ma jagħmel xejn.Ħ  Aħna mhux se nibqgħu b’idejna fuq żaqqna, se nkomplu niġġieldu għal dawk li għadhom ma twieldux, se nkomplu ngħinu lill-ommijiet fil-bżonn u ngħinu lil min qed ibati jew qed imut fil-mumenti l-aktar vulnerabbli ta’ ħajjithom. Se nkomplu nsemmgħu leħinna biex fil-Kanada jerġa’ jkun hawn il-ġustizzja.

Fil-Mixja għall-Ħajja ta’ din is-sena ejjew niftakru fil-kliem tal-Papa San Ġwanni Pawlu II li kien qal “Il-ħajja umana hi prezzjuża għax hi rigal ta’ Alla li l-imħabba tiegħu hi infinita; u meta Alla jagħti l-ħajja, din hi għal dejjem.”