‘Il-Ħajja f’Għawdex’ kollha bil-kulur

Bdejna sena ġdida u d-Direzzjoni tar-rivista Djoċesana Għawdxija ‘Il-Ħajja f’Għawdex’ iddeċidiet li tagħti rigal lill-qarrejja tagħha billi mill-bidu ta’ dis-sena din ir-rivista popolari tibda toħroġ kollha kemm hi bil-kulur.

Nifhem li ma kenitx deċiżjoni faċli meta tqis li l-prezz tal-abbonament baqa’ l-istess, dak ta’ €15.

Din ir-rivista li dan l-aħħar ħarġet l-1000 edizzjoni tagħha kien bdiha fl-erbgħinijiet Patri Accursdio Xerri u għadha toħroġ sallum u ħafna huma dawk li ma’ kull tnax-il kopja li jiġbru arahom jillegawha f’volum  u b’hekk sallum din iffurmat f’enċiklopedija dwar Għawdex u l-Għawdxin.

Kitbu fiha mas-snin ħafna kittieba eruditi, ġurnalisti, awturi, poeti, artikolisti, essejisti u sallum għadek issib ħafna kontributuri bravi u intelliġenti li jagħtu b’mod regulari s-sehem tagħhom.  Is-suġġetti huma varji u wiesa’ ferm u kull kitba li tasal lill-editur, ħafna drabi tkun milqgħuha u stampata biex b’hekk il-qarrejja jżommu ruħhom infurmati x’ikun għaddej fil-gżira Għawdxija waqt li jkunu jistgħu jgawdu wkoll artikli letterarji li jinkludu l-poeżija, novella, essay, folklor, storja, lkoll miktubin b’Malti mirqum u mexxej.

Irrid ngħid ‘grazzi’ lil dawk kollha li jirreklamaw f’din ir-rivista li toħroġ darba fix-xahar għax dawn bħali żgur jemmnu fl-Istampa t-tajba li tant neħtiġuha fi żmenijietna meta l-era tal-computer u l-mowbajl ħafna drabi qed jiżirgħu tant ħsara. Ninsab ċert li l-membri kollha tal-familja u kull membru fis-soċjeta’ ġej mil-liema qasam ġej, sa jsib xi ħaġa li tinteressah.

Prosit u grazzi lid-Djoċesi t’Għawdex  li bla dubju tgħin finanzjarjament biex ‘Il-Ħajja f’Għawdex’ tkun tista’ tasal fi djarna kull xahar u jalla iktar Għawdxin, Maltin u emigranti jitħajru jabbonaw f’rivista mimlija tagħlim u qari tajjeb u siewi għall-ħajja tajba.

Kav Joe M Attard