Il-ħafna vokazzjonijiet fl-Indonesia frott tal-fidi fil-familja

Vokazzjonijiet reliġjużi fl-Indonesia qed jiffjorixxu

“Il-Knisja fl-Indonesia hi knisja missjunarja. Għandna aktar minn 500 qassisin u reliġjużi li ntbagħtu bħala missjunarji fl-Indonesia u fid-dinja. Aħna Knisja mbierka minn Alla b’ħafna vokazzjonijiet saċerdotali jew ħajja konsagrata.  Il-benniena ta’ dawn il-vokazzjonijiet hi l-familja: il-familji Kattoliċi tagħna jgħixu l-fidi b’mod profond u b’devozzjoni, jersqu lejn is-Sagramenti u jipprattikaw il-karità”.

“F’dan l-ambjent iż-żerriegħa tas-sejħa ta’ Kristu, tinbet”. Hekk qal l-Isqof Ewaldus Martinus Sedu ta’ Maumere, lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES meta tkellem dwar il-ħajja fil-komunità Kattolika fuq il-gżira ta’ Flores, fl-Indonesia.

Din il-gżira li tinsab fiċ-ċentru tal-gżejjer Indonesjani hi meqjusa bħala “il-qalb Kattolika tal-Indonesia” f’pajjiż li fil-maġġoranza tiegħu hu wieħed Musulman (minn 265 miljun persuna, 85% huma Musulmani). Il-gzira ta’ Flores hemm konċentrazzjoni ta’ insara Indonesjani.

Vokazzjonijiet jiffjorixxu        

L-Isqof Sedu imexxi komunità djoċesana ta’ 300,000 Kattoliku u jsostni li “Fil-komunità tagħna, hemm diversi kongregazzjonijiet reliġjużi kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, inkluż Franġiskani, Ġiżwiti u oħrajn”.

Il-komunità hi waħda ħajja u dinamika fejn il-vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża qed jiffjorixxu. Fil-belt ta’ maumere hemm wieħed mill-akbar seminarji Kattoliċi li jeżistu fi-dinja u jservi wkoll bħala Istitut ta’ formazzjoni fil-filosofija u t-teoloġija u fih hemm aktar minn 1,000 student. “Aħna noffru edukazzjoni u nagħmlu wkoll ħidma soċjali imma l-aktar importanti hi x-xhieda tal-Evanġelju fil-familji.  Kollox jibda minn hemm”, sotna l-Isqof.

Il-Knisja Kattolika fl-Indonesia llum tikkostitwixxi 3% tal-popolazzjoni tal-pajjiż li hu magħmul minn 17,000 gżira. B’kollox hemm madwar 8 miljun Kattoliku mferrxa f’37 djoċesi.  Insara ta’ denominazzjonijiet oħra jagħmlu madwar  6% oħra tal-popolazzjoni.