Il-ħaddiema u min iħaddem b’1,300 mistoqsija kuljum – Abela

DOI - Clodagh O'Neill Ritratt: Mill-arkivji waqt żjara tal-Ministru Carmelo Abela lid-DIER, qabel l-imxija Covid-19

Read in English.

Il-ħaddiema u min iħaddem qed jistaqsu madwar 1,3000 kuljum lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) skont il-Ministru Carmelo Abela.

Fi stqarrija, il-Ministeru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li mill-15 ta’ April l-uffiċini tad-DIER fi Triq Melita fil-Belt Valletta se jkunu magħluqa minħabba l-coronavirus. Madanakollu, id-Dipartiment se jkompli jagħti s-servizz tiegħu permezz tat-telefonija u tal-imejl.

Il-pubbliku se jikun jista’ jkompli jaċċessa s-servizzi tad-Dipartiment permezz tal-helplines 1575 għall-ħaddiema u 1576 għal min iħaddem. Wieħed jista’ jagħmel ukoll kuntatt mad-Dipartiment permezz tal-indirizz elettroniku ‪info.dier@gov.mt.  

Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment għas-servizz li qegħdin jagħtu. Qal li dawn qed iwieġbu medja ta’ 1,000 telefonata u 300 email kuljum.

“Dan qed iwassal għal total ta’ medja ta’ 1,300 mistoqsija kuljum imwieġba minn team ta’ 16-il persuna professjonali fi ħdan id-DIER,” qal Ablea.

Abela fakkar illi kull bidla li tkun ser issir marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, min iħaddem irid qabel jagħmel dan, jiddiskuti u jġib il-permess mingħand id-Dipartment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.

Ritratt: Mill-arkivji waqt żjara tal-Ministru Carmelo Abela lid-DIER, qabel l-imxija tal-COVID-19