​Il-ħaddiema tat-trasport pubbliku se jżommu l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Il-ħaddiema tat-trasport pubbliku jistgħu jserrħu rashom li meta s-servizz se jibda jingħata mill-privat, mhux se jitilfu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom illum.
In-netwerk tat-trasport il-ġdid se tkun akbar minn dik li hemm sal-lum. Dan se jikkontribwixxi għal żieda fl-impjiegi fis-settur u mhux tnaqqis.
Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.
Fakkar li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport pubbliku huma regolati bi ftehim kollettiv bejn il-management u l-unjin tal-impjegati. 
L-operatur privat, li bħalissa għaddejjin negozjati miegħu, aktarx jibda jħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku minn Jannar li ġej.
Fi tweġiba għal Mistoqsija separata, Joe Mizzi spjega li bejn Jannar u Lulju d-dħul minn biljetti għall-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport, kien ta’ kważi €12-il miljun.