Il-ħaddiema tas-saħħa mhux se jibqa’ jitnaqqsilhom is-sick leave – UĦM

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-UĦM – Voice of the Workers qalet li l-ħaddiema tal-Gvern li jaħdmu fl-Isptar Karin Grech u fl-Isptar San Luqa mhux se jibqa’ jitnaqqsilhom is-sick leave.

Il-ħaddiema li kienu qegħdin ikunu ma jifilħux għal erbat ijiem jew aktar bdew jitħallsu biss għall-ewwel tlett ijiem. Dan wassal biex dawk li jkunu morda fit-tul, kellhom nuqqas sostanzjali mill-paga tagħhom.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-UĦM qajmet diskussjoni fuq din il-kwistjoni u staqsiet għaliex qed isir dan minn Steward Health Care, li tamministra dawn l-isptarijiet. Akkużat lill-kumpanija li qed tikser il-liġi tal-impjieg. L-unjin qalet illum li Steward ċedet għat-talbiet tagħha.

Dawk li kienu ilhom ma jifilħux aktar minn tlett ijiem sabu nota fil-payslip tagħhom li tgħid li l-benefiċċju tal-mard tnaqqas. Dan minkejja li skont il-liġi, il-ħaddiema tal-Gvern jirċievu l-ħlas tas-sick leave direttament mingħand min iħaddimhom u huma eliġibbli għal mill-inqas 30 jum sick leave fis-sena.

Steward Health Care kienet ċaħdet li kienet qed tnaqqas il-benefiċċju tas-sick leave u heddet lill-unjin b’azzjoni legali.

Illum l-unjin ikkonfermat li Steward Health Care aċċettat it-talba tagħha u ordnat li l-ħaddiema tal-Gvern jitħallsu għas-sick leave kollu li jieħdu.